TVM - Aħbarijiet - 20 ta' Awwissu 2024




Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra l-aħbarijiet ta’ TVM tal-20 ta’ Awwissu rigward ir-rappurtaġġ dwar il-ħatra tas-Sur George Gregory bħala CEO tal-Malta Enterprise

 

L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista  rigward servizz dwar il-ħatra tas-Sur George Gregory bħala CEO tal-Malta.

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir skeda s-smigħ għal nhar it-12 ta’ Settembru 2024 iżda dan ġie differit għas-17 ta’ Settembru 2024 minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tar-rappreżentant legali ta’ PBS.

 

Għas-smigħ tas-17 ta’ Settembru 2024 deher Dr Michael Piccinino, Segretarju tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll l-Editor-in-Chief l-Inġ. Charles Dalli, il-Kap tal-Aħbarijiet is-Sur Owen Galea u r-rappreżentant legali tal-PBS Dr Mark Vassallo.

 

Dr Michael Piccinino spjega li tali aħbar dwar il-ħatra tas-Sur George Gregory bħala CEO tal-Malta Enterprise ġiet rappurtata mill-PBS. Qal li l-Gvern u l-Partit Laburista ħarġu  stqarrija kull wieħed bħala reazzjonijiet għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista li in parti wieġbet dan u in parti ma kellhiex x’taqsam ma’ dik il-materja. Madankollu PBS għażel li jħalli barra partijiet essenzjali mir-rappurtaġġ dwar dak li ntqal mill-Partit Nazzjonalista. Kompla li l-istruttura lokali hija waħda fejn l-Oppożizzjoni titkellem permezz ta’ dak li jgħid il-Partit Nazzjonalista. Qal ukoll li l-parti li ma kellha xejn x’taqsam mal-ħatra ta’ George Gregory u Malta Enterprise, ma kenitx ukoll segwita mill-veduti tal-Partit Nazzjonalista dwar l-istess u ċioè dwar it-tema tal-inċineratur.

 

Dr Mark Vassallo qal li l-PBS attenda u rraporta din il-konferenza stampa tal-Partit Nazzjonalista. Qal ukoll li sar servizz dettaljat u reali ta’ dak li ntqal. Skont hu kien hemm dak li qal il-Partit Nazzjonalista u reazzjoni tal-Partit Laburista. Dr Mark Vassallo qal li jistenna li jkun hemm botta u risposta bejn il-partiti iżda kompla li dan ma kienx il-każ għaliex wara l-istqarrija tal-Partit Laburista kien hemm reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Dr Vassallo rrimarka li xi darba jrid ikun hemm tmiem għall-botti u risposti fir-rappurtaġġ.

 

Dr Michael Piccinino kkwota wkoll mit-traskrizzjoni tal-item tal-aħbarijiet imxandra fl-20 t’Awwissu fejn saret referenza għal Dr Adrian Delia.

 

Wara li l-partijiet ħarġu mis-seduta, il-Bord għadda sabiex jikkunsidra dan l-ilment.

 

Il-Bord għamel referenza għad-dokumenti sottomessi u nnota wkoll li matul il-konferenza stampa tal-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia għamel kummenti dwar is-Sur George Gregory li ġew irrappurtati.  Il-Bord ra li l-PBS irrapporta r-reazzjoni tal-Ministeru għall-Ekonomija għal dak li qal Dr Delia imma wkoll irrapporta stqarrija tal-Partit Laburista fil-konfront ta’ Dr Delia.  Il-Bord ħass li b’dan ir-rappurtaġġ, il-PBS mexa b’mod ġust u xandar ir-reazzjonijiet u dak kollu li kien marbut ma’ din l-istorja. Għaldaqstant il-Bord mhux jilqa’ l-ilment.

 

 

27 ta’ Settembru 2024

 

Smigħ 12_24

 

Ref.:39/24