Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tal-24 ta’ Marzu 2023 rigward nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija dwar statistika dwar l-istat tad-dejn
L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra l-aħbarijiet tal-PBS tal-24 ta’ Marzu 2023 rigward nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar l-istat tad-dejn fil-pajjiż. F’seduta li nżammet fl-24 ta’ April 2023, dehru Dr Michael Piccinino, s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Dr Francis Zammit Dimech u għall-PBS dehru l-Editor in Chief l-Inġ Charles Dalli u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.
Għall-Partit Nazzjonalista, Dr Michael Piccinino rrefera għall-istatistika maħruġa mill-NSO li ġiet irrappurtata mill-PBS dwar kif żdied id-dejn tal-Gvern u semma wkoll il-kumment tal-ex Membru Parlamentari Laburista Rosienne Cutajar f’chats li ġew ippubblikati fejn esprimiet il-fehma tagħha li kulħadd qed jitħanżer. Dr Michael Piccinino spjega li fil-kuntest ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista ħass li kellu joħroġ stqarrija dwar kemm kiber id-dejn tal-pajjiż u ħass li d-dejn nazzjonali, aktar u aktar fil-kuntest ta’ persuni li jitħanżru, kien suġġett ta’ kontroversja politika u ta’ interess pubbliku. Għaldaqstant Dr Michael Piccinino f’isem il-Partit Nazzjonalista, ħass li l-istqarrija tal-Partit kellha tiġi rrappurtata fil-bulettin tal-PBS. Ilmenta li din l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista kellha lok li tiġi rrappurtata għaliex din hija l-opinjoni tal-Oppożizzjoni fil-kuntest ta’ dak kollu li kien qed iseħħ. Min-naħa tiegħu Dr Francis Zammit Dimech qal li l-PBS kellu jirrikonoxxi d-dritt tal-Partit Nazzjonalista li jikkummenta fuq statistika tal-Gvern u qal li f’dan is-sens l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista hija reazzjoni għal dak li ħareġ mill-istatistika.
Għall-PBS Dr Mark Vassallo rrefera għal-linji gwida editorjali tal-PBS li jittrattaw l-istqarrijiet politiċi u li skont dawn il-linji gwida, stqarrijiet li jagħtu interpretazzjoni għall-istatistika, rapporti dwar l-ekonomija u aġġustament fil-credit ratings maħruġa mill-Gvern jew mill-partiti ma jiġux irrappurtati. Iżda skont il-linji gwida, jekk isiru referenzi jew reazzjonijiet waqt xi diskorsi politiċi dawn jistgħu jiġu rrappurtati. Dr Mark Vassallo spjega li għaldaqstant, peress li l-Partit Nazzjonalista bagħat stqarrija ad hoc biex jirreaġixxi għaċ-ċifri maħruġa dwar id-dejn tal-Gvern, din ir-reazzjoni permezz tal-istqarrija ma kellhiex tiġi rrappurtata.
Dr Mark Vassallo qal li wieħed ma jistax jippretendi li l-aħbarijiet tal-PBS isiru notice board għall-partiti politiċi u rrefera wkoll għal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14 li fost l-oħrajn titratta r-rappurtaġġ bejn aħbar u kumment. Kompla li stqarrijiet bħal dawn huma kummenti politiċi u l-editur għandu jkollu d-diskrezzjoni editorjali li ma jinkludix biex jimxi mal-provvedimenti tal-liġi.
Wara li l-Awtorità rat is-sottomissjonijiet u d-dokumenti relatati mal-każ, ikkonstatat li l-PBS kien irrapporta ċifri uffiċjali maħruġa mill-NSO dwar kif żdied id-dejn tal-pajjiż. Rat ukoll il-linji gwida tal-PBS dwar aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti li fost l-oħrajn jgħidu li rappurtaġġ ta’ stqarrijiet politiċi li jagħtu interpretazzjoni ta’ statistika uffiċjali ma jiġux irrappurtati. L-Awtorità tinnota li huwa importanti li kull kamra tal-aħbarijiet ikollha l-linji gwida tagħha li jkunu jimxu wkoll mal-provvedimenti tal-liġi biex jinħoloq mudell ta’ kif wieħed jipproduċi l-bullettini tal-aħbarijiet.
L-Awtorità qalet li filwaqt li l-osservazzjoni u r-reazzjonijiet tal-partiti għandhom jiġu rrappurtati dejjem skont id-diskrezzjoni editorjali, f’dan il-każ ir-rappurtaġġ ta’ stqarrija li rreaġixxiet għall-istatistika uffiċjali tmur kontra l-linji gwida mħaddma mill-PBS u għaldaqstant l-Awtorità tħoss li sakemm dawn il-linji gwida ma jmorrux kontra r-regolamenti elenkati fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14, ma tistax tobbliga lill-istazzjon biex ixandar stqarrijiet bħal dawn.
Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità iddeċidiet li tiċħad dan l-ilment.
3 ta’ Mejju 2023