TVM - Aħbarijiet - 26 ta' Marzu 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq minn Imperium Europa kontra PBS rigward nuqqas fir-rappurtaġġ ta’ stqarrija numru 3 tas-26 ta’ Marzu 2024

 

Permezz ta’ email datata 27 ta’ Marzu 2024, is-Segretarju Ġenerali ta’ Imperium Europa (IE) indirizza lment lill-PBS dwar rapportaġġ ta’ stqarrija tal-istess Partit fl-aħbarijiet tat-8:00pm ta’ TVM, nhar it-Tlieta 26 ta’ Marzu 2024.

Is-Sur Josiah Vella, Segretarju Ġenerali ta’ IE, lmenta li l-istqarrijiet tal-partit qed ikunu mqassra iżjed milli qed jintbagħtu minkejja li kien qed jiġi aċċertat li l-istqarrija ntiera ma tiħux iżjed minn 50 sekonda ta’ qari. Qal ukoll li ċerti referenzi qed jitneħħew u rrefera għall-istqarrija tas-26 ta’ Marzu 2024 li fiha ssemma Dr Joseph Muscat  u l-messaġġ tiegħu dwar is-sħubija tal-Iżrael fl-Unjoni Ewopea. Is-Sur Josiah Vella lmenta wkoll li l-logo tal-partit u l-profil tal-esponent wara l-istqarrija mhux dejjem qed jiġu nklużi.

L-Inġ. Charles Dalli wieġeb dan barra miż-żmien stipulat mill-L.S.350.06 meta l-lanjant kien diġà staqsa għas-smigħ.

Għas-seduta tad-29 t’April 2024, dehru s-Sur Charles Sammut, teżorier tal-partit Imperium Europa, assistit mill-Avukat Emmy Bezzina. Dehru wkoll l-Inġ. Charles Dalli assistit mill-Avukat Mark Vassallo.

Dr Peter Fenech, għan-nom tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, beda b’rimarka u qal li d-direttiva se tkun qed tiġi segwita b’reqqa u allura l-fehmiet differenti iridu kultant jingħataw l-opportunità. Qal li l-Awtorità beħsiebha tara li d-direttiva tiġi rispettata.

Is-Sur Charles Sammut qal li matul is-sena 2024 il-partit Imperium Europa bagħat 4 stqarrijiet lil PBS, kollha b’durata li hija ta’ inqas minn minuta. Qal li dawn kienu qed jiġu mqassra u li ċerti riferenzi bħal dawk dwar Dr Joseph Muscat,  kienu qed jiġu mneħħija minkejja li uħud minn dawn ir-riferenzi jkunu ġew irrapurtati fuq il-midja bħal twitter u l-mezzi soċjali u lokali oħra.

Dr Emmy Bezzina kompla li mil-lat legali qed jingħad li qed titwassal stampa li ma tirrispekkjax dak li qed tgħid eżatt Imperium Europa. Qal li jekk tibgħat messaġġ konċiż li ma jħalli xejn x’jista’ potenzjalment jitneħħa u li l-partit qed jitlob rimedju fejn dak li tħalla barra,  jiġi mxandar.

L-Inġ. Charles Dalli qal li l-ilment huwa fuq stqarrija numru 3 u mhux fuq l-4 lmenti msemmija, tali kumment ġie sekondat miċ-Chairperson, is-Sur Frank Farrugia.

Dr Mark Vassallo semma d-diskrezzjoni editorjali u li din hija l-prerograttiva tal-editur. Qal li mhux għax kwalunkwe partit politiku jibgħat stqarrija, din trid tinġieb kollha.

Is-Sur Charles Sammut wieġeb li kien hemm biss 4 stqarrijiet u li matulhom ħafna drabi la l-logo u anqas il-profil ma jiġu mxandra minkejja li dan kien qed isir fuq l-istess gwida tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir matul ilmenti preċedenti mill-istess partit. Iċ-Chairman ikkonferma li din l-informazzjoni kienet fl-ilment imressaq.

Dr Emmy Bezina insista  li l-istqarrijiet tant huma qosra li tqassir addizzjonali jammonta għal nuqqas minn naħa ta’ PBS.

Meta l-partijiet telqu mis-seduta, l-Bord iddiskuta dan l-ilment. Il-Bord innota li l-obbligu tax-xandar hu li jxandar il-ġist tal-valur tal-aħbar u mhux l-istqarrija kelma b’kelma kif tiġi mibgħuta. Il-Bord saħaq li l-element tad-diskrezzjoni editorjali, li huwa fl-inkarigu tal-editur, irid jiġi rispettat. Il-Bord kien ukoll tal-opinjoni li l-essenza tal-istqarrija lmentata kienet inġiebet u għal dawn ir-raġunijiet ma laqgħetx l-ilment.

 

 

 

2 ta’ Mejju 2024

Smigħ 05/2024 Numru 6

Ref: 9/24