Deċiżjoni dwar ilment tal‑Partit Nazzjonalista fil‑konfront ta’ PBS Ltd rigward l‑aħbarijiet ta’ TVM tat‑28 ta’ Frar u l‑1 ta’ Marzu 2023 dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ fil‑punti ewlenin
L‑Awtorità kellha quddiemha lment mill‑Partit Nazzjonalista kontra l‑aħbarijiet ta’ TVM tat‑28 ta’ Frar u tal‑1 ta’ Marzu 2023 minħabba li l‑aħbarijiet relatati mal‑istat tal‑Isptar San Luqa u l‑aħbarijiet relatati mal‑Oppożizzjoni rigward dan is‑suġġett tħallew barra mill‑punti ewlenin.
Preżenti għal din is‑seduta kien hemm Dr Francis Zammit Dimech u s‑Segretarju Ġenerali Dr Michael Piccinino għall‑Partit Nazzjonalista u għall‑PBS dehru l‑Editor‑in-Chief l‑Inġ. Charles Dalli assistit minn Dr Shaun Zammit f’seduta li nżammet fl‑20 ta’ Marzu.
Dr Francis Zammit Dimech f’isem il‑Partit Nazzjonalista spjega li konsistentament fil‑bulettini tal‑aħbarijiet ma jkunx hemm referenza għall‑aħbar tal‑Oppożizzjoni fil‑punti ewlenin. Qal li fiha nnifisha toħloq diskriminazzjoni kontra l‑Partit Nazzjonalista għaliex il‑punti ewlenin f’dinja aktar mgħaġġla tpoġġi lill‑Partit Nazzjonalista fi żvantaġġ. Irrefera għall‑aħbarijiet tat‑28 ta' Frar u tal‑1 ta’ Marzu fejn l‑istqarrijiet tal‑Partit Nazzjonalista dwar l‑istat tal‑isptarijiet ma ġewx inklużi fil‑punti ewlenin. Qal li fl‑isfond tal‑kontroversja dawn kellhom valur ta’ aħbar u saħansitra kellhom jitpoġġew fil‑punti ewlenin.
Dr Michael Piccinino rrefera għall‑konferenza tal‑aħbarijiet li saret fit‑28 ta’ Frar mill‑Oppożizzjoni barra l‑bini tal‑Isptar San Luqa u l‑għada fl‑1 ta’ Marzu meta xxandar filmat minn ġewwa tal‑istess Sptar. Qal li dawn iż‑żewġ stejjer kien jimmeritahom li jkunu fil‑punti ewlenin.
Għall‑PBS l‑Inġ. Charles Dalli qal li meta l‑istejjer ikollhom element ta’ aħbar ikunu mniżżlin bħala l‑punti ewlenin iżda qal li ż‑żewġ stejjer li ssemmew mil‑lanjant ġew trattati b’mod ġust fil‑bulettin tal‑aħbarijiet.
Min‑naħa tiegħu, l‑Avukat Shaun Zammit qal li l‑każ tal‑isptarijiet ġie rrappurtat b’mod estensiv mill‑PBS u qal li l‑istazzjon ħass li l‑qagħda tal‑Isptar San Luqa kienet marġinali għall‑istorja ewlenija nnifisha.
L‑Awtorità ħadet nota tas‑sottomissjonijiet u rat id‑dokumenti u l‑filmati relattivi. L‑Awtorità rat li l‑każ marbut mat‑tliet sptarijiet kien każ li ġie rrappurtat b’mod estensiv mill‑PBS kif kellu l‑obbligu li jagħmel, aktar u aktar meta din kienet kontroversja politika nazzjonali. Rat ukoll li ż‑żewġ stejjer li ssemmew fl‑ilment, jiġifieri l‑konferenza tal‑aħbarijiet barra mill‑bini tal‑Isptar San Luqa li saret mill‑Kap tal‑Oppożizzjoni u kelliema oħra tal‑Oppożizzjoni ġiet irrappurtata, kif sar ukoll fil‑bulettin tal‑għada meta rrappurtaw il‑kontenut tal‑filmat minn ġewwa l‑Isptar San Luqa. Iżda l‑Awtorità kkonfermat li dawn iż‑żewġ stejjer ma kinux jiffurmaw parti mill‑ġrajjiet ewlenin.
Filwaqt li l‑Awtorità tifhem li hemm diskrezzjoni editorjali ta’ x’jixxandar fil‑bulettin u x’jiġi inkluż fil‑punti ewlenin u l‑ordni ta’ kif jixxandru r‑rapporti, l‑Awtorità tħoss li dawn iż‑żewġ stejjer fl‑isfond tal‑kontroversja li kienet għaddejja kellhom jiġu inklużi fil‑punti ewlenin. Għaldaqstant l‑Awtorità tilqa’ dan l‑ilment.
Fid‑dawl ta’ din id‑deċiżjoni l‑Awtorità titlob lill‑PBS biex jinqara sunt tad‑deċiżjoni fil‑bulettin tad‑29 ta’ Marzu ai termini ta’ Artiklu 15 tal‑Att dwar ix‑Xandir hekk kif ġej:‑
F’seduta ta’ smigħ li seħħet fl‑20 ta’ Marzu, l‑Awtorità laqgħet l‑ilment tal‑Partit Nazzjonalista dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ fil‑punti ewlenin ta’ żewġ avvenimenti relatati mal‑kontroversja tal‑isptarijiet. L‑Awtorità ħasset li minkejja li hemm id‑diskrezzjoni editorjali ta’ x’jixxandar iżda fl‑isfond tal‑kontroversja li kien hemm fil‑pajjiż, dawn iż‑żewġ avveniment li kienu dwar il‑konferenza tal‑aħbarijiet tal‑Kap tal‑Oppożizzjoni quddiem l‑Isptar San Luqa u l‑filmati li ħarġu li wrew l‑istat ġewwa l‑istess Sptar kellhom jiġu inklużi fil‑punti ewlenin.
29 ta’ Marzu 2023