TVM - Aħbarijiet - 30 ta' Settembru 2021




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront ta’ PBS dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal-Partit Nazzjonalista fl-aħbarijiet tat-30 ta’ Settembru 2021 b’reazzjoni għal dak li qalet il-kumpanija Steward Health Care

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 2 ta’ Ottubru rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tat-30 ta’ Settembru minħabba li f’dan l-bulettin ma kinitx irrappurtata l-istqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjonalista (PN) bi tweġiba għal dak li qalet il-kumpanija privata Steward Health Care Malta, b’reazzjoni għall-iżviluppi dwar il-kawża li kien fetaħ Dr Adrian Delia kontra l-Vitals. Il-PN fl-ilment tiegħu qal li dik l-istqarrija kellha tmien punti b’risposta dwar dak li qalu s-sidien privati dwar l-iskandlu tal-Vitals.

Għas-seduta li saret fil-25 ta’ Ottubru, dehru virtwalment is-Segretarju Ġenerali tal-PN Dr Michael Piccinino u Dr Zammit Dimech għall-PN filwaqt li għall-PBS dehru s-Sinjura Norma Saliba bħala l-editur u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.

Dr Zammit Dimech beda s-sottomissjonijiet tiegħu billi qal li mil-lat ta’ rappurtaġġ wieħed irid joqgħod ferm aktar attent meta jkun hemm suġġett ta’ kontroversja politika. Spjega li l-PN kien ħareġ stqarrija ffirmata minn Dr Stephen Spiteri bħala l-kelliem tas-Saħħa u minn Dr Adrian Delia, liema stqarrija ma ġietx irrappurtata mill-PBS. Qal li l-argument tal-PBS għall-ilment tal-PN kien li l-ewwel stqarrija tal-PN dwar is-suġġett kienet ġiet irrapurtata.  Dr Zammit Dimech spjega li wara din l-istqarrija, Steward Health Care wieġbu għal din l-ewwel stqarrija u wara dan il-PN ħass li kellu jerġa’ jwieġeb bi stqarrija oħra fejn elenka tmien punti dwar din il-materja. Qal li l-istazzjon ma jistax japplika l-prassi riġida li ma jirrappurtax kontro replika aktar u aktar meta t-tmien punti li ssemmew ma kinux ripetuti.

Dr Zammit Dimech qal li n-nuqqas ta’ dan ir-rappurtaġġ wassal għal ksur ta’ Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u ksur ta’ Artiklu 13 u ksur tar-regolamenti dwar kif għandhom jingħataw l-aħbarijiet.

Min-naħa tiegħu, Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS qal li filwaqt li jaqbel li r-riġidità m’għandhiex tkun hemm, il-provvediment fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14 issemmi forma ta’ diskrezzjoni ta’ x’għandu jkun inkluż bħala valur ta’ aħbar. Barra minn hekk, Dr Vassallo qal li wieħed irid ikun kawt kif għandu jirraporta l-kontro replika u biex din tiġi rrappurtata trid tkun sostanzjalment differenti mill-ewwel waħda. Qal li hija fid-diskrezzjoni tal-editur li jara jekk din il-kontro replika kellhiex valur ta’ aħbar jew jekk kinitx ripetuta. Huwa appella lill-Awtorità li tara l-istampa kollha ta’ dan il-każ u mhux sempliċiment tieqaf fin-nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-istqarrija li kienet kontro replika.

Dr Zammit Dimech qal li filwaqt li huwa minnu li l-editur għandu jkollu d-diskrezzjoni editorjali iżda l-Awtorità għandha tara li l-leġiżlazzjoni tkun imħarsa u tara x’inhi l-impressjoni finali bin-nuqqas ta’ dan ir-rappurtaġġ.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat id-dokumentazzjoni kollha u ddiskutiet dan il-każ, rat li dawn it-temi msemmija kienu diġà ġew irrappurtati f’rapport ieħor tal-aħbarijiet u għaldaqstant il-veduta tal-PN kienet ġiet irrappurtata matul l-istess perjodu.  Għaldaqstant dan l-ilment ma kienx qed jintlaqa’. L-Awtorità tħoss li l-editur għandu d-dritt jeżerċita l-linja editorjali tiegħu aktar u aktar fil-kuntest li din l-istess materja kienet se tkun qed tiġi rrappurtata minn żmien għal żmien matul l-istess perjodu anke fid-dawl li hemm kawża fil-Qorti dwar dan is-suġġett kontroversjali u għaldaqstant se tkun waħda mit-temi attwali fix-xena politika.

 

1 ta’ Novembru 2021