TVM - Aħbarijiet - 31 ta' Jannar 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) vs Public Broadcasting Services (“PBS”) rigward TVM News tal-31 ta’ Jannar 2024 dwar l-iskema tal-Gvern rigward roħs fil-prezzijiet tal-ikel

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-PN kontra PBS rigward TVM News tal-31 ta’ Jannar 2024 dwar l-iskema tal-Gvern rigward roħs fil-prezzijiet tal-ikel. Dan l-ilment ġie ndirizzat lill-istazzjon pubbliku nhar il-1 ta’ Frar 2024, madankollu l-PN ma kienx sodisfatt bir-risposta tax-xandar.

 

Matul is-smigħ tat-22 ta’ Frar 2024, dehru Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Francis Zammit Dimech. Għall-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli bħala editor-in-chief, assistit mill-Avukat Mark Vassallo.

 

Fl-ilment oriġinali tiegħu, Dr Michael Piccinino elenka numru ta’ punti fosthom li din l-istorja kienet ġiet rappurtata darbtejn bla ma kien hemm ebda fatti ġodda, li r-roħs kien jitratta recommended retail price u mhux dak ta’ fuq l-ixkaffa, li dehru prodotti li ma kinux saħansitra mraħħsa taħt l-istess skema, li l-persuna mistiedna kienet il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Ekonomija u allura politikament maħtura bħala persuna ta’ fiduċja, u li s-servizz kien wieħed estiż għax minn bulletin ta’ madwar 30 minuta dam 5 minuti u nofs.

 

Dr Mark Vassallo talab sabiex jiġi muri s-servizz in kwistjoni seduta stante. Hu rrefera għal Art.2.1 tal-L.S.350.14 u qal li kollox irid jiġi kunsidrat fil-kuntest tiegħu. Spjega li fil-bidu kien hemm intervista mal-maniġer ta’ stabbiliment privat u wara kien hemm referenza għal stqarrija tal-Onor. Silvio Schembri segwita minn intervista mas-Sinjura Roberta Albanese Dalli. Hu staqsa kienx allura hemm ksur ta’ Art.119 tal-Kostituzzjoni bl-ispjega ta’ din l-iskema kif se taħdem u kif tista’ din issarraf f’argument dwar l-imparzjalità “dovuta”. Dr Mark Vassallo għalaq l-intervent tiegħu billi qal li l-kultura li l-PBS huwa promotur tal-Gvern hija skorretta u li wieħed jista’ jinnota dan jekk jara u jevalwa l-kontenut. Qal li hu ma jħossx li l-PBS għandu jsir bullettin board ta’ dak li jintqal mill-partiti politiċi. Ammetta li l-istampa tal-ħuta, li kienet murija fis-servizz, ma kinitx qed turi prodott fl-iskema iżda kompla li bl-ebda mod ma tneħħi l-bilanċ u l-imparzjalità.

 

Dr Francis Zammit Dimech wieġeb l-għażla tal-prodotti ma kellhiex tinkludi prodotti li ma raħsux. Qal ukoll li biex ma tkunx bulletin board, PBS seta’ intervista iżjed nies f’jiem oħra. Għamel referenza wkoll għal reklami li kienu qed isiru fuq l-istess tema.

 

Il-Bord mhux jilqa’ l-ilment għar-raġunijiet segwenti. Is-Sinjura Roberta Albanese Dalli tat rendikont ċar dwar it-tħaddim tas-sistema u ma tkellmitx fuq konnessjonijiet politikament partiġġjani iżda tat spjega teknika. Dwar id-durata tas-servizz anqas ma jinħass li dan kien wieħed eċċessiv inkwantu l-fatt li matulu kien hemm żewġ persuni ntervistati fosthom anke saħansitra impjegat ta’ azjenda privata. Rigward dawk il-prodotti li ma jaqgħux taħt l-iskema, il-Bord iħoss li għall-fini ta’ professjonalità, PBS seta’ evita l-użu ta’ prodotti li ma jaqgħux taħt l-iskema msemmija ġaladarba kien qed ixandar spjega teknika tal-istess. 

 

 

    1 ta’ Marzu2024

Smigħ 02/2024 Numru 4

Ref: 6/24