Deċiżjoni dwar ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward l-istedina tal-kandidat prospettiv, is-Sur Clint Flores, għal analiżi matul l-aħbarijiet nhar il-25 ta’ Ġunju 2023
L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista datat 26 ta’ Ġunju 2023 rigward l-istedina tal-PBS lill-kandidat prospettiv għall-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlamenti Ewropej (“MPE”), cioè is-Sur Clint Flores li deher fl-aħbarijiet tal-25 ta’ Ġunju 2023 bħala “espert fuq l-affarijiet barranin” sabiex jagħti ntervent dwar il-kunflitt bejn l-Istat Ukren u r-Russja. F’dan l-ilment il-Partit Nazzjonalista argumenta li din l-istedina tat vantaġġ mhux ġust fil-konfront tal-kandidati l-oħra kollha għall-istess Parlament Ewropew.
Permezz tal-Inġ. Charles Dalli, l-Editor-in-Chief tal-PBS Ltd, ix-xandar wieġeb li l-istatus ta’ kandidat joħroġ skont il-liġi u dan skont deċiżjoni tas-27 ta’ April 2023 (Prof. Cassola vs PBS Ltd).
L-Awtorità semgħet lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Dr. Michael Piccinino, li ffirma l-ilment għan-nom ta u deher in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll lill-Inġ. Charles Dalli, li kien assistit minn Dr. Mark Vassallo u Dr. Edward Gatt f’isem u in rappreżentanza tal-PBS Ltd f’seduta li nżammet nhar is-17 ta’ Lulju 2023.
Il-Partit Nazzjonalista kkontenda li dan il-każ huwa differenti għall-dak ta’ Prof. Cassola vs PBS Ltd, deċiż fis-27 ta’ April 2023, għax filwaqt li l-Prof. Cassola ppretenda li l-istqarrija tiegħu tiġi mxandra minħabba li hu kandidat ta’ elezzjoni, f’dan il-każ PBS Ltd stiednet hi minn jeddha lis-Sur Clint Flores. Huwa għamel ukoll referenzi għad-deċiżjonijiet preċedenti tas-Sinjura Claudette Buttiġieġ, is-Sur Clyde Puli u s-Sur John Bundy, u tenna li filwaqt li limsemmija kienu xandara bi professjoni, is-Sur Clint Flores ma jistax jiġi meqjus bl-istess mod. Dr. Piccinino esebixxa materjal li juri li s-Sur Flores kien diġà beda l-kampanja politika tiegħu għall-elezzjoni tal-MPE fuq il-mezzi soċjali tiegħu u saħaq li s-Sur Flores huwa ekonomista u politikant, mhux espert fuq it-tema tal-affarijiet barranin.
Dr. Vassallo qal li x-xandar baqa’ jaddotta l-pożizzjoni li kien ħa wara d-deċiżjonijiet tas- Sinjura Claudette Buttiġieġ, is-Sur Clyde Puli u s-Sur John Bundy u li ma jistax ikun li min jikkandida ruħu jiġi eskluż mix-xandir. Dwar il-kredenzjali tal-mistieden huwa qal li minkejja li mhux espert tal-gwerer jibqa’ l-fatt li s-Sur Clint Flores huwa ekonomista li għamel fuq 10 snin jgħix Brussell u li għaldaqstant il-kamra tal-aħbarijiet ikkunsidrat ukoll in-numru ta’ kummenti li kien tella’ fuq il-mezzi soċjali dwar il-kunflitt bejn l-Istat Ukren u r-Russja, għalhekk ħasset li l-mistieden kellu l-kredenzjali meħtieġa.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet u rat id-dokumenti relattivi. Qieset ukoll jekk il-kandidat prospettiv ingħatax vantaġġ mill-fatt li hu kien mistieden jagħti ntervent fuq it-tema ta’ kunflitt bejn żewġ stati matul l-aħbarijiet fl-istess perjodu fejn hu kien qed jikkampanja għall-elezzjoni tal-MPE fuq l-istess mezzi soċjali li xxandar stqarr li jsegwi.
Għaldaqstant l-Awtorità tiggwida lill-PBS li meta jkun magħruf li persuna se tikkandida ruħha, bħala xandar pubbliku, irid japplika iżjed kawtela dwar l-element ta’ prominenza. Minkejja li l-Awtorità sabet l-argument tal-kredenzjalità bħala wieħed suġġettiv, PBS ma ta ebda raġuni dwar l-għaliex ħass li kellu jistieden persuna pubblikament magħrufa bħala kandidat prospettiv biex jagħti intervent fuq din it-tema meta seta’ faċilment jittieħed intervent fuq l-istess tema minn persuni alternattivi. Dan sabiex kemm jista’ jkun jiġu evitati esponenzi li jikkrejaw forom ta’ prominenza bla bżonn matul it-tħejjija ta’ kampanja politika, inizjata bl-involviment attiv u informazzjoni pubblikament ikkomunikata mill-istess kandidat jew partit, u li jistgħu iħallu wkoll impatt politiku li jxellef il-prinċipju prevalenti tal-bilanċ.
L-Awtorità tħoss li din l-istedina saret għal skop ta’ prominenza u għaldaqstant qed tilqà lilment.
26 ta’ Lulju 2023