TVM - Animal Diaries - 24 ta' Ottubru 2020




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ TVM rigward il-programm Animal Diaries li xxandar fl-24 ta’ Ottubru 2020

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM rigward il-programm Animal Diaries li xxandar fl-24 ta’ Ottubru 2020, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir. 

 

F’dan il-programm twasslet ir-rokna dwar l-ikel vegan li fiha pparteċipaw is-Sinjura Roberta Farrugia u s-Sur Roberto Archer Xuereb bil-preżentatriċi tmexxi l-konverżazzjoni dwar il-ħajja vegana.  Waqt din ir-rokna ttellgħet ic-chest super tas-Sa Roberta Farrugia li uriet Zeal – Vegan Prism filwaqt li c-chest super tas-Sur Robert Archer Xuereb kienet turi Vegan Prism.  Fi tmien din ir-rokna is-Sa Roberta Farrugia qalet li t-telesepetatturi setgħu jagħmlu kuntatt magħha fuq il-paġni soċjali tagħha Zeal.  Il-preżentatriċi, Moira Delia rringrazzat liż-żewġ mistednin u lil Zeal u Vegan Prism. 

 

F’parti oħra mill-programm il-preżentatriċi Moira Delia rreferiet għaż-żarbun vegan li kienet liebsa. Waqt ir-rokna mal-mistednin il-preżentatriċi qalet li l-ħajja vegana hija stil ta’ ħajja u li dan l-istil imur sempliċiment ‘il hinn mill-ikel imma anke fl-għażla tal-abbiljament.  F’dan il-ħin irreferiet għall-ħwejjeġ u żraben u fuq l-iskrin deher pop up advert tad-ditta Espirit, li huwa l-isponsor personali tal-preżentatriċi.

 

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri u lil Moira Delia l-preżentatriċi tal-programm Animal Diaries f’seduta li nżammet fil-21 ta’ Diċembru, 2020.  Għall-PBS Ltd dehru wkoll Norma Saliba, l-editur tal-PBS u Dr Mark Vassallo.

 

L-Awtorità rat il-filmat relatat u analizzat dak li intqal, u qablet li ssib lill-istazzjon ħati li kiser Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir. L-Awtorità irriżultatilha li dan il-programm  normalment kien jaderixxi mal-leġislazzjoni tax-xandir. Għaldaqstant l-Awtorità qablet li tagħti twissija lill-istazzjon u tesiġi li fil-futur il-programm jaderixxi mal-leġislazzjoni. Fin-nuqqas ta’ dan għandha tittieħed azzjoni immedjata min-naħa tal-Awtorità.

 

            6 ta’ Jannar 2021