Deċiżjoni dwar ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward id-deċiżjoni li ma jixxandrux filmati ta’ dak li seħħ fil-Parlament u barra l-Parlament nhar it-12 ta' Lulju 2023
L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista datat 15 ta’ Lulju 2023 rigward ir-rifjut ta' filmati ta’ xeni li kien hemm fil-Parlament u anke barra l-Parlament nhar it-12 ta' Lulju 2023 minkejja l-kommozzjoni li nqalgħet fil-gallerija tal-istranġieri kif ukoll l-avvenimenti li kien hemm barra l-Parlament immedjatament wara.
F’seduta li nżammet fis-17 ta’ Lulju 2023, Dr. Michael Piccinino deher għan-nom u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u ta sfond tal-ilment tal-Partit Nazzjonalista. Dr. Piccinino qal li kien hemm vot fil-Parlament dwar jekk għandhiex issir inkjesta pubblika u qal li r-riżultat kulħadd jaf x'kien, bl-istess mod ukoll ir-reazzjoni ġewwa u barra l-Parlament fejn saħansitra dehru missier il-vittma Jean Paul Sofia u xi familjari oħra tiegħu, b'xi persuna jikkonfrontaw lill-Membri Parlamentari waqt li dawn ħerġin mill-Parlament. Hu tenna li minkejja l-filmati fuq il-mezzi soċjali u stazzjonijiet oħra, ix-xandar pubbliku ddeċieda li ma jħammarx wiċċ il-Gvern u aġixxa bħala gatekeeper għal din l-istorja.
Dr. Mark Vassallo, li deher għal PBS Ltd flimkien mal-kollega Dr. Edward Gatt u l-Inġ. Charles Dalli, l-Editor-in-Chief tal-istazzjon irrefera għal standing order 173A li telenka lkundizzjonijiet tal-filmati li jistgħu jittieħdu ġol-Parlament. Kompla li jekk ġurnalist ikun jixtieq jieħu filmat, l-iSpeaker ma jistax jagħti permess jekk ma jkunx hemm il-kunsens miżżewġ naħat. Dr. Vassallo qal li għal din ir-raġuni l-PBS ħass li ma kellux ikun ko-parteċipi f'dan il-ksur iżjed u iżjed meta l-filmat li ttieħed kien b'mod li huwa ddefinixxa "illegali". Dr. Mark Vassallo aċċenna dwar is-sensitività ta' dan il-każ u rrefera wkoll, minkejja li qal li ma humiex eżattament analogi mal-argument miġjub, għal sezzjoni 8 tal-Kap.350 li tittratta ljeddijiet tal-ġieħ u l-privatezza, tali prinċipji ġew imħaddna mill-istazzjon għall-fini ta' bon ordni u rispett lejn il-privatezzi tal-familjari tal-vittma.
Fir-risposta tiegħu Dr. Michael Piccinino ddefinixxa l-aġir ta' PBS bħala wieħed oxxen u cioè li jinqeda bl-argument tal-privatezza meta l-familjari stess tellgħu filmati fuq il-mezzi soċjali tagħhom. Għamel referenza għall-filmati ta' ġol-Parlament u nnota li dawn ittieħdu meta lkamra kienet sospiża matul liema ħin anqas l-iSpeaker ma ħa azzjoni fuqhom.
Dr. Mark Vassallo kkonkluda b'rimarka dwar ir-rimedju effettiv mitlub mill-Partit Nazzjonalista u li kien wieħed għall-istess partit u mhux għall-familja.
Preżentata b'dawn is-sottomossjonijiet, l-Awtorità ddiskutiet it-trattament ta' dawn l-avvenimenti f'demokraziji oħra fl-Unjoni Ewropea fejn l-istazzjonijiet pubbliċi ixandru dak li jkun ġara kemm ġol u kemm barra l-Parlament. L-Awtorità nnutat ukoll li Parliament TV kien tella' 'caption' bl-arma ta' Malta meta s-seduta ġiet sospiża, tali 'caption' damet għal ftit minuti.
Wara riflessjoni dwar l-importanza ta' dak li ġara nhar it-12 ta' Lulju 2023, dwar il-valur ta' aħbar li nħoloq kif ukoll dwar ir-raġunijiet li skont PBS wasslu sabiex tiġi eskluża din ilmaterja mill-għarfien tal-pubbliku, l-Awtorità ddeċidiet li tilqa' dan l-ilment għall-fatt li avvenimenti relatati mal-għola istituzzjoni tal-pajjiż ma għandhomx ikunu mistura għattelespettaturi tax-xandar pubbliku li għandhom dritt għal informazzjoni sħiħa. Dak li ġara fil-Parlament u barra mill-Parlament kienu ġrajjiet u avvenimenti ġodda li kienu qed iseħħu u li l-istazzjon pubbliku kien mistenni li jirrapporta mhux biss fir-rappurtaġġ miktuba tiegħu imma anke wkoll il-viżwal.
26 ta’ Lulju 2023