TVM - Insights - 22 ta' Jan 2021




Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward il-programm Insights li xxandar fit-22 ta’ Jannar 2021

L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha ilment imressaq fis-27 ta’ Jannar 2021 mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward il-programm Insights li xxandar fit-22 ta’ Jannar 2021 u li kien jikkonsisti f’intervista mill-ġurnalist Glen Falzon lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li l-mistoqsijiet u l-aġir tal-preżentatur tal-programm kienu bbażati fuq narrativa politika partiġġjana tal-Partit Laburista u tal-Gvern fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech. Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li t-trattament tal-preżentatur waqt l-intervista mal-Kap tal-Oppożizzjoni kienet differenti mill-atteġġjament tiegħu meta intervista lill-Prim Ministru fi programm ieħor ta’ Insights. Qal li l-preżentatur għamel mistoqsijiet diffiċli fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni filwaqt li mexa b’ingwanti tal-ħarir mal-Prim Ministru. Fl-istess ilment, il-Partit Nazzjonalista osserva li l-ġurnalist ta’  TVM minflok ivverifika l-fatti, silet stejjer partiġġjani u fattwalment skorretti li kienu mxandra mill-media tal-Partit Laburista u staqsa dwarhom daqslikieku kienu fatti.

Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li TVM ħoloq sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ imparzjalità u żbilanċ fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista u talab rimedju skont il-liġi.

Waqt seduta  li instemgħet quddiem l-Awtorità fil-11 ta’ Marzu, is-Segretarju Ġenerali Dr Francis Żammit Dimech u Dr Karol Aquilina f’isem il-Partit Nazzjonalista dehru b’mod virtwali u ppreżentaw il-każ tagħhom. Għall-PBS dehru l-Kap tal-Aħbarijiet u Editur tal-PBS is-Sinjura Norma Saliba; is-Sur Joe Sammut, ic-Chairman tal-Bord Editorjali u Dr Ishmael Psaila li deher in rappreżentanza tal-PBS.

Dr Żammit Dimech beda billi qal li filwaqt li jirrispetta l-libertà ġurnalistika u jħares b’mod pożittiv lejn il-ġurnaliżmu investigattiv iżda il-liġi titlob trattament xieraq. Qal li dan ma ingħatax fis-sensiela tal-programmi Insights partikolarment jekk wieħed iqabbel l-intervista li saret mal-Prim Ministru u l-intervista li saret mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Dr Żammit Dimech 6spjega li l-mod kif saru l-mistoqsijiet lill-Kap tal-Oppożizzjoni kienu juru li ma kienx hemm trattament ugwali bejn il-mistoqsijiet li saru lill-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu Dr Karol Aquilina li ukoll deher għall-Partit Nazzjonalista qal li ġurnalist ta’ xandir nazzjonali għandu l-obbligu li ma jurix preġudizzju meta jintervista politiċi u qal li filwaqt li l-Prim Ministru bħal donnu ingħata free hand biex jitkellem fuq x’hiex irid.  Mill-banda l-oħra, l-mistoqsijiet li saru lill-Kap tal-Oppożizzjoni kienu mistoqsijiet loaded bl-ewwel waħda tkun fuq ir-reshuffle li kienet saret mill-Oppożizzjoni. Dr Aquilina qal ukoll li saħansitra t-ton u l-attitudni tal-ġurnalist kienu differenti bejn iż-żewġ kapijiet.

Fl-aħħarnett Dr Aquilina staqsa jekk il-ġurnalist/preżentatur Glen Falzon kienx irċieva ħlas mill-Gvern għall-attività tal-Gvern li ppreżenta ftit jiem biss wara l-programm Insights. Qal li qed jagħmel din il-mistoqsija għaliex b’dan il-mod, il-ġurnalist jista’ jkun li jkun diġa ppreġudikat kontra l-Partit Nazzjonalista. Iżda l-PBS ħass li ma kellux iwieġeb għal din il-mistoqsija minħbba li din kienet irrelevanti mill-ilment u imkien ma ssemmiet fl-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista.

L-Awtorità wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat id-dokumentazzjoni u l-programmi in kwistjoni u li ssemmew fis-sottomissjonijiet, kienet tal-fehma li r-reazzjonijiet tal-mistiedna ma toħloqx żbilanċ imma l-bilanċ inħoloq bit-trattament ugwali fis-sens li ingħataw l-istess opportunità ta’ intervista u pjattaforma. 

L-Awtorità tifhem li kull ġurnalist għandu d-dritt li jagħmel il-mistoqsijiet anke jekk min qed jiġi intervistat jista’ jinħass li jkun skomdu. Filwaqt li jżomm ir-rispett lejn min qed jintervistah, il-ġurnalist għandu jitratta mistoqsijiet b’temi kurrenti aktar u aktar meta l-persuna tkun politika bħal f’dan il-każ.

Fi programmi ġurnalistiċi bħalma hu Insights, li huwa programm li jitratta temi kurrenti, huwa diffiċli li jkun hemm trattament ugwali anke minħabba l-fatt li temi kurrenti jkunu qed iseħħu u jiżviluppaw minn jum għall-ieħor. L-Awtorità tifhem li l-ġurnalist jindirizza mistoqsijiet speċifiċi u partikolari skont il-persuna li jkun qed jintervista u f’dan il-każ is-suġġetti għad-diskussjoni riedu jkunu differenti bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u bejn il-mistqosijiet tal-Prim Ministru.  It-trattament tal-ġurnalist bejn programm u ieħor se jkun qed jiddependi wkoll mit-tweġibiet li jsiru u allura mill-ħtieġa jew le ta’ follow up questions.

Filwaqt li TVM ta l-istess pjattaforma b’ħin ugwali kemm għall-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni billi dawn ġew intervistati t-tnejn b’mod separat fil-programm Insights mill-istess ġurnalist/preżentatur, iżda l-Awtorità tħoss li mhijiex l-irwol tal-Awtorità li tindika liema għandhom ikunu t-temi tal-mistoqsijiet u wisq inqas kif isiru l-mistoqsijiet dment li dawn isiru b’rispett u b’mod ġust quddiem il-persuna li tkun qed tiġi intervistata.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet rigward żbilanċ u nuqqas ta’ imparzjalità, l-Awtorità ddeċidiet illi f’dan il-każ l-ilment tal-Partit Nazzjonalista ma jissustix u għalhekk m’għandux jintlaqa’.

L-Awtorità tieħu l-opportunità biex tfakkar li r-rwol tal-ġurnalist tas-servizz pubbliku għandu jkollu l-integrità biex ma jiġix/tiġix influwenzat/a fix-xogħol ġurnalistiku tiegħu/tagħha. L-Awtorità tiġbed l-attenzjoni wkoll li l-PBS irid jara li l-għażla ta’ ġurnalisti hija kruċjali sabiex tidher l-imparzjalità fil-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti li jkunu qed jittellgħu. L-indipendenza tal-ġurnalisti hija essenzjali biex l-imparzjalità dovuta tintlaħaq hekk kif titlob il-liġi.

 

26 ta’ Marzu 2021