TVM - Popolin - 30 ta' April 2021




Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Prof Andrew Azzopardi u s-Sur Peppi Azzopardi rigward feature dwar il-ħabs fil-programm Popolin tat-30 ta’ April 2021

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq minn Prof Andrew Azzopardi u mis-Sur Peppi Azzopardi rigward feature li xxandar dwar il-ħabs waqt il-programm Popolin fit-30 ta’ April.  Dan għaliex skont il-lanjanti l-feature kien biss propoganda favur it-tmexxija tal-ħabs u ma kienx juri r-realtà tal-ħabs kif inhi llum.  

 

Fis-seduta li nżammet fit-2 ta’ Ġunju, attendew virtwalment Prof Andrew Azzopardi u s-Sur Peppi Azzopardi u għall-PBS attendew is-Sinjura Norma Saliba u r-rappreżentant legali tal-PBS, Dr Ishmael Psaila.

 

Prof Azzopardi kkontenda li l-feature li xxandar kien qarrieqi u kellu numru ta’ ineżatezzi u ma kienx qed jirrifletti r-realtà ta’ dak li kien għaddej fil-ħabs. Qal li mhux minnu li l-ħabs kien kif kien qed jissejjaħ bħala villaġġ anzi huwa post oppressiv fejn ġew irrapurtati diversi mwiet saħansitra suwiċidji li jindikaw li huwa post dippressiv u l-ħabsin jinsabu f’sitwazzjoni ddisprata. Prof Azzopardi qal li huma biss 70 priġunier li qed jitgħallmu xi sengħa fil-ħabs u qal li l-feature qarraq ukoll rigward kemm verament hemm priġunieri li jistgħu jkomplu bil-ħajja tagħhom wara li joħorġu mill-ħabs.

 

Min-naħa tiegħu s-Sur Peppi Azzopardi qal li dan il-feature ma kienx prodott ta’ investigazzjoni li saret mill-PBS u kellu dikjarazzjonijiet li mhumiex korretti u reali. Is-Sur Azzopardi qal li wħud mis-servizzi li ssemmew fil-feature fil-fatt ma jeżistux fil-ħabs fosthom kura għal kull persuna fil-ħabs. Is-Sur Azzopardi qal li huma qed jitolbu li jintwera feature li ppreparaw min-naħa tagħhom li juri l-istampa reali tal-ħabs u għalhekk iservi ta’ tweġiba għal dak li diġa deher fil-programm Popolin.

 

Għan-nom tal-PBS Dr Ishmael Psaila fakkar li kemm hu kif ukoll is-Sinjura Norma Saliba qegħdin jidhru fis-seduta għan-nom tal-PBS, u allegazzjonijiet li saru fil-konfront tat-tmexxija tal-ħabs mhijiex fil-kompetenza tagħhom li jweġbuha. Dr Psaila qal li l-kummenti li nġiebu waqt is-sottomissjoni kienu kummenti li diġa xxandru fuq il-PBS. Dr Psaila qal ukoll li l-istqarrija li dan il-feature fih elementi qarrieqa hija interpretazzjoni suġġettiva mil-lanjanti.

 

Min-naħa tagħha s-Sinjura Saliba qalet li l-PBS fi programmi oħra kien diġa ġab kummenti tal-priġunieri li fost l-oħrajn ikkritikaw it-tmexxija tal-ħabs. Qalet ukoll li anke fir-rapurtaġġ tal-aħbarijiet kien hemm rapporti ta’ suwiċidji u mwiet fil-ħabs u dejjem żammew ma’ sorsi awtentiċi. Is-Sinjura Saliba qalet li bħal kull stazzjon ieħor, il-PBS għandu d-diskrezzjoni editorjali u wieħed ma jistax jippretendi li tixxandar produzzjoni bi tweġiba mingħajr ma tiġi vverifikata mill-editur tal-istazzjon.

 

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva, rat li l-feature kellu veduta waħda tal-ħabs u l-operat tal-ħabs. L-Awtorità ħasbet li l-feature kellu element ta’ suġġettività, u din il-produzzjoni tat verżjoni waħda tas-sitwazzjoni fil-ħabs bil-mod kif ġie ppreżentat u msejjaħ bħala villaġġ.  L-Awtorità nnotat li din il-produzzjoni li ġiet ippreżentata mill-preżentatur ta’ Popolin bħala waħda minn sensiela ta’ produzzjonijiet li kienu ser jixxandru kull nhar ta’ Ġimgħa, iżda wara li tressaq dan l-ilment il-PBS ma xandar l-ebda produzzjoni oħra dwar il-ħabs.

 

L-Awtorità tħoss li l-kontenut tal-produzzjoni ma kienx kontenut oġġettiv u għalhekk tilqa’ l-ilment.  Bħala rimedju l-Awtorità qed titlob lill-PBS iqabbad produttur imparzjali u indipendenti biex itella’ produzzjoni li tkun tirrispetta l-intelliġenza tal-poplu. Dan għandu jsir wara konsultazzjoni mal-preżentatur tal-programm Popolin.  Il-ħin tal-produzzjoni għandha titħalla f’idejn il-prodottur iżda m’għandhiex tkun inqas minn 3 minuti.  Dan għandu jixxandar mhux aktar tard minn ġimgħa li tiġi ppreżentata din id-deċiżjoni.

 

 

                                                                                    10 ta’ Ġunju 2021