TVM - Spots Budget 2025 - 27 t'Ottubru-3 ta' Novembru 2024




Deċiżjoni għal ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista rigward ix-xandir ta’ diversi spots relatati ma’ Baġit 2025 fuq TVM bejn is-27 t’Ottubru u t-3 ta’ Novembru 2024

L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalita (“PN”) nhar is-27 t’Ottubru 2024 fil-konfront ta’ Public Broadcasting Services Ltd (“PBS”).

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir skeda s-smigħ għal nhar it-30 t’Ottubru 2024 fejn preżenti għal dan is-smigħ kien hemm biss il-partit lanjant rappreżentat minn Dr Michael Piccinino u Dr Paul Borg Olivier. Il-partit lanjant ġie nfurmat mill-Bord li ftit qabel is-smigħ kienet ġiet irċevuta kommunikazzjoni mix-xandar. Għal dan il-Bord ħareġ din id-deċiżjoni:

 

L-Awtorità tax-Xandir ħadet konjizzjoni tal-ittra mibgħuta għan-nom ta’ PBS Ltd iktar kmieni llum it-30 t’Ottubru 2024, fejn talbet id- differiment tas-smigħ tal-akkużi u tal-ilment tal-PN in vista tal-mandat ta’ inibizzjoni fl-ismijiet Partit Nazzjonalista vs Public Services Limited et.

 

L-Awtorità tax-Xandir, filwaqt li tħoss li l-mandat ta’ inibizzjoni huwa distint u separat għall-proċeduri quddiem il-Qorti u li dan bl-ebda mod ma jwaqqafha milli tkompli taqdi l-obbligi Kostituzzjonali tagħha u tisma’ l-argumenti mressqa dwar l-ispots, temmen li sakemm il-Public Broadcasting Services (“PBS”) Ltd li qed tagħti permezz ta’ din il- komunikazzjoni l-Awtorità tax-Xandir, ex abbundanza cautela, s-smigħ qed jiġi differit għal data wara s-6 ta’ Novembru 2024.

 

L-Awtorità tax-Xandir jidrilha illi sakemm l-ispots mertu ta’ dawn l- akkużi u tal-ilment tal-Partit Nazzjonalista ma jibqgħux jixxandru, ma hemmx ħsara irreparabbli fid-deċiżjoni tad-differiment. L-Awtorità tax-Xandir qed tidderieġi lill-Public Broadcasting Services Ltd, kif diretta mill-Qorti Ċivili stess, sabiex ma xxandar l-ebda spot li ma jkunx approvat mill-Awtorità tax-Xandir.

 

Għalhekk tidderieġi lill-Public Broadcasting Services Ltd sabiex twassal kull spot li beħsiebha xxandar dwar it-tema tal-baġit tal-anqas 8 sigħat qabel il-ħin propost għax-xandira tal-istess għal matul il- ġimgħa u 48 siegħa qabel għal dawk l-ispots li se jixxandru matul is- Sibt u l-Ħadd. Qed tgħarraf minnufih lil Public Broadcasting Services Ltd ukoll illi minkejja li llum it-30 t’Ottubru 2024 laqgħet it-talba tad- differiment tal-akkużi u tal-ilment tal-Partit Nazzjonalista, jekk il- Public Broadcasting Services Ltd ma jimxix ma’ din id-deċiżjoni, jiġu mismugħa u deċiżi kwalunkwe akkużi li jinħarġu u jinġiebu quddiem il- Bord l-akkużi u jiġu mismugħa minnufih lil’hinn mid-deċiżjoni tallum it-30 t’Ottubru 2024.

 

Dr Paul Borg Olivier issolleva li kif qalet l-Awtorità tax-Xandir stess, dawn id-deċiżjonijiet huma distinti minn dawk tal-Qorti. Għalhekk bl-istess deċiżjoni l-Awtorità tax-Xandir qed tippreġudika d-dritt tal-partit lanjant u żżomm mill-ħruġ ta’ rimedju effettiv. Qal li l-PN b’dan id-differiment qed isofri preġudizzju.

 

Dr Michael Piccinino qal li l-ilment tiegħu ma għandux x’jaqsam mal-akkużi u allura l- Bord qed iżomm il-proċeduri u ma jismax lill-partit lanjant fuq temi oħra. Qal li din hija ċ-ċaħda ta’ smigħ għal ilmenti li ma għandhomx x’jaqsmu mal-mandat ta’ inibizzjoni. Minkejja l-urġenza milqugħa, Dr Michael Piccinino tenna li mbagħad bla ma nstema’ l- Partit Nazzjonalista, ttieħdet id-deċiżjoni riferiti f’paġna 1 għad-differiment.

 

Dr Paul Borg Olivier qal li taħt Art.15 l-Awtorità tista’ toħroġ direttiva. Qal li dak li nqara lilu jikkostitwixxi direttiva. Semma wkoll il-fatt li l-ispots deher fihom u nstema’ leħen il- Prim Ministru u li skont hu huma spots politiċi. Qal li skont l-Awtorità tax-Xandir stess, ibbażat fuq dak li qed tgħid il-Qorti, iżda mil-lum u ‘l quddiem. Qal li dak li sar qabel il- ħruġ tal-mandat mhux qed jiġi ndirizzat.

 

Dr Peter Fenech, għan-nom tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, qal li l-baġit idum 3 ġimgħat u li allura li l-Partit Nazzjonalista ma kienx se jkun qed jiġi preġudikat. Dr Paul Borg Olivier immedjatament qal li l-importanza tal-baġit huwa l-baġit innifsu u d-diskorsi tal- Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni u semma’ ċ-chilling effect, li skont hu l-Bord mhux qed jikkunsidra.

 

Dr Paul Borg Olivier ivverbalizza kif ġej:

 

Dr Paul Borg Olivier, għall-Partit Nazzjonalista, primarjament joġġezzjona bil-qawwa għal-deċiżjoni li ħadet l-Awtorità tax-Xandir fuq talba ta’ PBS Ltd sabiex dawn il-proċeduri jiġu differiti, liema talba ġiet milqugħa biss wara li ħadet konsiderazzjoni ta’ PBS Ltd, mingħajr ma ngħata opportunità ugwali lill-Partit Nazzjonalista (“PN”) sabiex iressaq l-argumenti tiegħu qabel din id-deċiżjoni. Il- PN jikkontendi li d-deċiżjoni prematura tal-Awtorità tax-Xandir tikser id-dritt fundamentali tal-istess PN għal dak li jirrigwarda smigħ xieraq għal matul dawn il-proċeduri.

 

Fit-tieni lok fl-istess deċiżjoni hija l-Awtorità tax-Xandir stess li ddikjara li l-proċeduri li hemm quddiem il-Qorti huma distinti u separati mill-proċeduri li hi għandha quddiemha llum u filwaqt li tistqarr dan, għaddiet sabiex tiddiferixxi l-każ wara li semgħet biss lill-PBS Ltd bi preġudizzju serju għall-PN mingħajr l-opportunità li tagħti rimedju immedjat, ġust u effikaċi għall-ilment tiegħu bil- konsegwenza li l-istess deċiżjoni rimandata tkompli toħloq a chilling effect fuq il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.

 

Illi huwa l-obbligu tal-Awtorità tax-Xandir illi tħares l-imparzjalità u tagħti ħin ugwali fuq materja ta’ kontroversja politika u policy, tenut kont Art. 119 tal-Kostituzzjoni, u għaldaqstant kwalsiasi deċiżjoni għal dak illi ġara fix-Xandir tal-ispots deċiżjoni tal-Broadcasting Authority, illum kienet tattwa biss id-doveri tagħha skont l-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni.

 

Illi dan l-istess dewmien mill-ġdid u kif diġà stqarret il-Qorti Kostituzzjonali diversi drabi fil-konfront tal-Awtorità tax-Xandir se joħloq mhux biss chilling effect imma wkoll preġudizzju serju fid-dritt tal-espressjoni tal-PN kif protett bil-Kostituzzjoni u bil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

 

Illi għal dik it-tieni parti fejn l-Awtorità qiegħda tordna lil PBS Ltd sabiex tgħaddi l-ispots tagħha dwar il-baġit għall-approvazzjoni tal- Awtorità mhix biss obbligu tagħha skont il-mandat ta’ inibizzjoni iżda hija wkoll dover tagħha li toħroġ skont il-liġi. Oltre dan illi d- deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir illi tiddeciedi llum it-30 t’Ottubru 2024 sabiex tapplika din il-proċedura fil-konfront ta’ PBS Ltd, hija fiha nnifisha turija ta’ mankanza tagħha li kien fid-dover tagħha mhux biss skont il-liġi imma anke skont il-mandat ta’ inbizzjoni kif akkordat fit-28 ta’ Ottubru 2024 u għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista qiegħed jirriserva għall-proċeduri ulterjuri stante li kontra l-ordni tal-Qorti għal dawn il-jumejn il-Broadcasting Authority ippermetta li jkomplu jixxandru spots politiċi mingħajr ma dawn jiġu approvati minn qabel minnha.

 

Il-Bord iddiferixxa s-smigħ għas-7 ta’ Novembru 2024 (Smigħ 14_24). Għal dawn is- smigħ ma attendiex ix-xandar filwaqt li għall-partit lanjant dehru Dr Paul Borg Olivier u Dr Michael Piccinino.

 

Dr Paul Borg Olivier wissa li l-obbligu ta’ Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni jibqa’ u li l-Bord qed jabdika mid-doveri tiegħu. Qal li l-Awtorità trid tiddeċiedi tmurx għal kawża kostituzzjonali flimkien mal-PBS jew inkella jkunx hi awtorità regolatorja li tiddistingwi lilha nnifisha mill-PBS, l-għaliex kif qalet hi stess, hija awtorità distinta. Qal li f’dan l- istadju l-Bord ma jistax jidħol fiż-żarbun tal-PBS.

 

Il-Bord iggwida lis-Segretarju tal-Bord jagħmel kuntatt telefoniku mal-Inġ. Charles Dalli. Din it-telefonata seħħet fejn l-Inġ. Charles Dalli ġie nfurmat li l-Bord se jkompli jisma’ s- smigħ, anke mingħajr il-preżenza tar-rappreżentanti tax-xandar. F’dan il-mument ġie aġġornat is-smigħ.

 

Meta tkompla s-smigħ, minkejja li ngħata ħin adekwat sabiex jattendi, PBS baqa’ ma attendiex. Għalhekk il-Bord qara d-deċiżjoni tiegħu:

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir jagħmel referenza għat-talba tad- differiment imwassal lilu llum stess mir-rappreżentat legali tal-Public Broadcasting Services, ra r-risposta tal-lanjant Partit Nazzjonalista

(“PN”) wara li t-talba ġiet ikkomunikata lill-istess lanjant sabiex jirrispondi, ra li llum fuq l-aġenda kien hemm akkużi u lmenti. Peress illi l-ewwel differiment kien intiż sabiex jiġu kunsdrati l-ilmenti wara d-deċiżjoni tal-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili ex abbundanza cautela għaliex issostni kif diġà ddekretat li huma proċeduri separati u distinti mill-akkużi u l-ilmenti tagħha. Qed jilqa’ t-talba għad-differiment in parti u filwaqt li qed tiddiferixxi l-ilmenti mressqa mill-Partit Nazzjonalista qed jordna l-prosegwiment tas-smigħ tal-akkużi fil- konfront tal-allegat ksur tad-Direttiva fit-30 u l-31 t’Ottubru 2024 maħruġa mill-Bord tal-Awtorità tax-Xandir.

 

Il-Bord iddiferixxa s-smigħ għall-kontinwazzjoni fit-18 ta’ Novembru 2024 (Smigħ 15_24). Għal dan is-smigħ dehru Dr Michael Piccinino u Dr Paul Borg Olivier għall-PN kif ukoll Dr Mark Vassallo bħala r-rappreżentant legali tal-PBS, l-Inġ. Charles Dalli, l- editor-in chief tal-PBS u l-Inġ Keith Chetcuti, is-CEO tal-PBS.

 

Dr Mark Vassallo talab kopja tal-imejl tal-ilment mibgħuta minn Dr Michael Piccinino peress li skont hu l-ilment uffiċjali ma sarx. Wara li qara l-imejl tas-27 t’Ottubru 2024, huwa qal li l-istazzjon ma kienx ikkupjat b’din l-informazzjoni.

 

Il-Kap Eżekuttiv għaddiet kopja tal-ilmenti lil Dr Mark Vassallo li kkumenta dwar uħud mill-ilmenti li skont hu l-istazzjon PBS kellu jiġi notifikat bihom. Qal ukoll li f’ilment minnhom Dr Michael Piccinino talab rimedju sal-għada f’nofsinhar u li dan ma kien qatt jista’ jkun possibbli ġaladarba ma kienx mgħarraf biha. Dr Mark Vassallo spjega li l-ilment ma jkunx aġġornat skont il-whim tal-lanjant iżda jkun marbut ma’ data u suġġett. Kompla li kien sorpriż bit-talba ta’ mandat t’inbizzjoni.

 

Dr Paul Borg Olivier qal li l-ilment dwar l-ispots tal-baġit li l-PN qed jikkontendi li huma politiċi. Hu spjega li fil-2021 l-Awtorità kienet diġà ffaċjata u li r-rimedju ngħata fit- totalità.

 

Dr Paul Borg Olivier spjega lment tal-2021 li ġie deċiż fl-1 ta’ Novembru 2021. Ivverbalizza li ġaladarba ġiet iddispensata l-urġenza u kien hemm talba ta’ differiment fl- ilment tal-PN, għandu jkun meħud b’konsiderazzjoni llum. Huwa talab informazzjoni dwar ix-xandiriet ta’ dawn l-ispots relatati mal-baġit 2025 u ċioè kemm saru reklami s’issa. Dr Michael Piccinino staqsa għal xi ħadd mit-tim tal-monitoraġġ sabiex jipprovdi din l- informazzjoni. Iċ-Chairman irrefera għal deċiżjoni meħuda mill-Bord fit-13 ta’ Frar tal- 2024 li ma kenitx laqgħet talbiet simili.

 

Dr Mark Vassallo nforma lill-Bord li se jkun qed jippreżenta n-numru ta’ spots fl-immedjat u mhux iktar tard mill-għada. Dr Michael Piccinino oppona differimenti oħra ġaladarba skont hu l-Bord kien qed jiċħad il-preżentazzjoni tal-fatti. Dr Paul Borg Olivier kompla li din il-prova ma tistax tiġi mċaħħda. Filwaqt li ma jiddubitax mill-informazzjoni mressqa mix-xandar, Dr Michael Piccinino nsista li l-Awtorità għandha tkun imparzjali u għandha sservi biex tikkonferma.

Il-Bord wara li ra t-talba tal-PN qiegħed għall-istess raġunijiet kif imfissra fid-deċiżjoni tal-Bord tat-13 ta’ Frar 2024, kif ukoll fid-dawl li PBS iddikjara li se jkun qiegħed jipprovdi dik l-informazzjoni hu iktar tard dakinhar stess, ċaħad it-talba.

 

Dr Paul Borg Olivier għall-PN jirrileva illi d-deċiżjoni kif komunikata mill-Awtorità seduta stante qiegħda ċċaħħad lill-PN milli jressaq l-aħjar prova għall-ilment tiegħu u għaldaqstant dan bi ksur tad-Drittijiet Fundamentali tiegħu li jirriserva għal kwalsiasi azzjoni ulterjuri f’dan ir-rigward stante li tali deċiżjoni ta’ smigħ xieraq qiegħda wkoll toħloq diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu dwar prova li hu jrid iressaq.

 

Mistieden mill-Bord biex jidħol fil-mertu, Dr Michael Piccinino qal li ma jistax jipproċedi mingħajr din l-informazzjoni.

 

Il-Bord ivverbalizza kif ġej:

 

B’riserva għall-lanzjanza tal-PN kif verbalizzata minnu, l-Partit jeħtieġ l-informazzjoni f’idejh sabiex ikun jista’ jittratta l-ilment tiegħu. PBS irrimetta għal din it-talba.

 

Dr Paul Borg Olivier qal li dan l-ilment daħal fis-27 t’Ottubru 2024, illi d-dewmien fl-ebda mod ma huwa naxxenti mill-parti li qed tagħmel l-ilment, tant li fit-30 t’Ottubru 2024 meta ltaqa’ dan il-Bord, l-istess Bord iddikjara li l-mandat tal-inibizzjoni huwa “distint u separat”. Għalhekk il-Bord għandu jkompli jaqdi d-doveri tiegħu.

 

Il-Bord iddiferixxa s-smigħ għall-20 ta’ Novembru 2024 li għalih attendew Dr Michael Piccinino u Dr Paul Borg Olivier għall-PN kif ukoll Dr Mark Vassallo, l-Inġ. Charles Dalli u s-Sur Keith Chetcuti għal PBS.

 

Dr Paul Borg Olivier irrefera għal spot imxandar mill-PBS u staqsa jekk ġiex approvat mill-Awtorità tax-Xandir qabel ixxandar.

 

Dr Mark Vassallo oġġezzjona għal din il-mistoqsija għaliex qal li l-ilment huwa dwar żbilanċ. Dr Paul Borg Olivier wieġeb li jekk jirriżulta li dan il-filmat ma ġiex approvat mill-Awtorità sabiex jixxandar, allura hemm ir-raġunijiet li dan huwa filmat politiku. Kompla li jekk il-Bord irrifjuta milli jixxandar għax jista’ joħloq żbilanċ imma xorta xxandar, allura din hija waħda mill-provi tiegħu ta’ żbilanċ. Qal li għalhekk il-mistoqsija tiegħu hija relevanti. Dr Michael Piccinino qal li d-direttiva tal-Awtorità nħarġet għal kulħadd u li dik kienet parti minn smigħ li l-Partit Nazzjonalista kien parti minnha.

 

Għal PBS Dr Mark Vassallo qal li l-ilment irid ikun miġjub fuq x’ġara dakinhar u mhux għal dawk l-avvenimenti futuri li għadhom ma seħħewx. Qal li l-ilment huwa ta’ x’ġara dakinhar, jiġifieri fis-27 ta’ Ottubru għaliex l-ilment għandu bidu u għandu tmiem.

 

Dr Michael Piccinino argumenta li l-Bord qed jaqbel qabel ma l-partijiet qed jgħidu x’inhu s-suġġett quddiemhom.

Il-Bord wieġeb li l-lanjant kien għadu ma spjegax l-ilment minkejja li s-smigħ kienu ilu li beda.

 

Dr Michael Piccinino, għall-PN ivverbalizza li l-aġenda li għamlet l-Awtorità hija ċara li l-ilment qed jittratta fuq ir-reklami kollha tal-baġit mis-27 t’Ottubru sat-3 ta’ Novembru 2024. Dr Paul Borg Olivier żied li jinkludi d-direttiva maħruġa mill-Awtorità naxxenti mill-istess ilment.

 

Il-Bord iċċara li d-direttiva ma twelditx mill-ilment imma mill-ordni fil-mandat tal- Imħallef Miriam Hayman.

 

F’dan l-istadju Dr Paul Borg Olivier staqsa lill-Inġ. Charles Dalli jekk l-ispot ta’ Ta’ Qali (spot referenza 2) intbagħatx għall-approvazzjoni tal-Awtorità tax-Xandir.

 

Dr Paul Borg Olivier staqsa lill-Inġ. Charles Dalli, bħala l-editur tax-xandar sabiex jispjega jekk Spot 02 (Ta’ Qali) Baġit 2025, imxandar fit-28 ta’ Ottubru 2024 u fi ġranet oħra sussegwenti, ġiex ippreżentat lill-Awtorità għall-approvazzjoni, fl-ambitu tad-direttiva tat- 30 t’Ottubru 2024 u jekk ġie preżentat x’kienet id-direzzjoni

 

Dr Mark Vassallo għall-PBS irrileva jekk din il-mistoqsija hix relevanti għad- determinazzjoni tal-ilment tal-PN li jirrigwardja jekk il-PN ġiex affetwat minn żbilanċ.

 

Dr Paul Borg Olivier rrisponda li hu jirrileva li t-tweġiba tolqot direttament il-materja ilmentata u ċioè ta’ żbilanċ skont l-ilmenti tiegħu u li d-direttiva ħarġet waqt is-smigħ tal- istess ilmenti.

 

Dr Mark Vassallo qal li l-ilment jinkludi reklami (spots) mxandra qabel inħarġet id- Direttiva. Dr Michael Piccinino staqsa lill-Inġ. Charles Dalli jindika mir-reklam 001 (spot fejn deher il-viżwal tal-PM) liema hija l-miżura nformattiva tal-baġit. L-Inġ. Charles Dalli wieġeb li dak huwa spot tal-Gvern li xxandar bħala PSA.

 

Dr Mark Vassallo qal li l-mistoqsija għandha tkun inkisirx Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni u mhux jekk hemmx materjal informattiv. L-Inġ. Charles Dalli kompla li dan l-ispot jaqa’ taħt l-istess kategorija ta’ spots informattivi relatati mal-baġit.

 

Dr Michael Piccinino staqsa lill-Inġ. Charles Dalli qattx kien hemm spots ta’ dan it-tip bid- dehra tal-PM. Hawnhekk Dr Mark Vassallo għadda kopja ta’ spots tal-budget tas-snin preċedenti lill-Bord.

 

Dr Paul Borg Olivier staqsa jekk minn dawk l-ispots li l-PBS kellu fl-arkivji mit-2008 qattx kien hemm il-vuċi tal-PM jew qattx deher il-Prim Ministru u staqsa dwar x’miżuri hemm f’dan ir-reklam. Dr Paul Borg Olivier semma’ u wera l-ispot bħala parti mill-kampanja tas- Servizz Pubbliku. Għal dan Dr Mark Vassallo wieġeb li dan l-ispot ma jagħmilx parti mill- ispots tal-budget. Qal li dak mhux parti mis-serje. Dr Paul Borg Olivier staqsa lill-Inġ. Charles Dalli jispjega x’kellu edukattiv u informattiv dan l-ispot. L-Inġ Charles Dalli wieġeb li dan l-ispot kien approvat mill-Awtorità.

Dr Paul Borg Olivier talab lill-Bord biex jiddereġieh liema spots ġew imressqa għall- approvazzjoni. Dr Mark Vassallo qal li spot referenza 1 ma tressaqx għall-approvazzjoni għax kien pre-budget, spot referenza 2 ma kienx hemm direttiva u ġie mxandar fejn twaqqaf wara li nħarġet id-Direttiva, spot referenza 3 ma ġiex approvat u spots referenza 4 u 5 ġew approvati. Spot referenza 2 qal li ntbagħat mill-PBS għall-approvazzjoni 5 sigħat qabel ma jixxandar, skont email li hu qal kien irċieva mingħand il-Kap Eżekuttiv. Qal li l- PBS bagħat l-ispot u kif għaddew il-ħames sigħat, ġaladarba ma kienx hemm risposta, dan ixxandar. Qal li mbagħad spots referenza 4 u 5 ġew approvati mill-Awtorità u li dan wera li x-xandar kellu raġun.

 

Dr Michael Piccinino staqsa dwar spots referenza 1,2,3,4,5 x’kontenut kellhom b’relazzjoni mal-baġit. Qal li l-editur għandu diskrezzjoni editorjali u allura dawn ir- reklami kellhom ikunu fuq xi miżura tal-baġit. L-Inġ. Charles Dalli wieġeb li jekk dawn mhux qed jiksru l-liġi, allura l-PBS kellha xxandarhom bħala PSA. Għalhekk Dr Paul Borg Olivier staqsa lill-Inġ. Charles Dalli kif applika d-diskrezzjoni biex wasal fil-konklużjoni li ma jiksrux Art. 119. L-Inġ. Charles Dalli qal li dan a bażi ta’ spots oħra li ħarġu fil- passat. Dwar il-mistoqsija jekk qattx deher Ministru jew Prim Ministru, qal li kien hemm deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir fejn Ministru tal-Finanzi kien ġie ntervistat, bħala spot.

 

Dr Paul Borg Olivier staqsieh jikkjarifika jekk id-diskrezzjoni kinitx ħarsa lejn il-prattika fil-passat u l-konklużjoni kinitx li dawn l-ispots kienu simili għal dawk ta’ qabel. Għal dan l-Inġ. Charles Dalli wieġeb li l-ispots kienu differenti u li għalih l-ispots mhumiex politikament partiġġjani. Mistoqsi dwar l-iskedar tal-ispots hu wieġeb li dawn jixxandru skont id-diskrezzjoni tiegħu u li jkun skedat mix-xandar skont it-talba.

 

Dr Paul Borg Olivier staqsa jekk l-ispot in kwistjoni kienx hemm talba li jiġi skedat fis-27 u t-28 t’Ottubru 2024. L-Inġ. Charles Dalli wieġeb fil-pożittiv.

 

Dr Paul Borg Olivier qal li PN qed jittratta fuq numru ta’ spots tal-baġit li dehru bejn is-27 t’Ottubru (qabel il-baġit) u t-3 ta’ Novembru 2024 għax kien qed jilmenta bl-ispots il- ġodda li kienu qed jixxandru. Qal li jirriafferma l-konsiderazzjoni li saret fl-aħħar seduta li se jħalli għad-determinazzjoni tal-Bord u li kif għamel il-Bord meta ddeċieda dwar l- ispots tal-budget 2021 ma ħax biss l-ispot per se li kien sar l-ilment imma fil-kumplessivita tal-ispots li kienu saru relatati mal-budget. Qal li l-ilment kien fil-kumplessività ta’ spots li jirrigwardaw il-baġit u li l-oġġezzjoni hi li jiksru Art. 119 tal-Kostituzzjoni u joħolqu żbilanċ. Qal ukoll li l-Bord għandu diversi spots li ġew imxandra fosthom spot 1 tal-viżwal tal-PM u spot ieħor tas-servizz pubbliku kif ukoll spot 2, 3, 4 u 5. Qal li dwar kontenut ma hemmx dubju li l-ewwel reklam kien wieħed li bl-ebda mod ma jbiegħ il-baġit jew il- miżuri tiegħu imma huwa reklam tematiku li huwa politiku u li ndirizzat lejn ħidma tal- Gvern b’tema prinċipalment politika (slogan). Qal li spots 2 sa 5 ma jirreklamawx miżura waħda u li l-Gvern għamel investiment sabiex jirreklamahom fuq il-midja soċjali. Kompla li l-Gvern qal li b’mod b’saħħtu u fin, b’mod sublimi, jwassal messaġġ li dan il-baġit iwassal għal ħajja aħjar. Tenna li din hija kampanja tematika u li allura tħalli mpatt fuq it- telespettatur. Qal ukoll li reklam minnhom ġie mxandar 6 darbiet wara xulxin kif jidher fuq it-tabella preżentata minn PBS stess. Dan il-hammering joħloq impressjoni f’moħħ it- telespettatur. Irritjena li ebda mir-reklami l-oħrajn ma joħolqu miżura u stieden lill-Bord jara u jikkompara r-reklam li ħareġ fl-2021, li dwaru PBS instab ħati ta’ żbilanċ, ma’ dawn ir-reklami. Saħaq li dawn l-ispots ta’ baġit 2025 huma ferm iżjed aggravanti. Ġab ukoll eżempju ta’ spots oħra informattivi u għamel paragun bejnhom u bejn l-ispots ilmentati. Qal li anqas saħansitra caption li hemm 6 xhur gym b’xejn ma saru fl-ispots, ċioè xhieda ta’ kemm ma kinux informattivi iżda politiċi. Qal ukoll li dawn jimmeritaw rimedju.

 

Dr Mark Vassallo wieġeb li meta PBS jirċievi l-ispots kif ilu jsir mill-2006 u probabbli wkoll qabel, dawn ixandarhom sakemm dawn ma jiksrux Artiklu 119. Semma’ wkoll l- ispots li ntbagħatu għall-approvazzjoni mill-PN u stieden lill-Bord jarahom sabiex jifhem x’ikun reklam politiku partiġġjan. Dwar l-ispots imxandra qal li ma jistax ikun li spots mibgħuta mill-Gvern ma jkunux ikkunsidrati bħala politiċi iżda l-pożizzjoni tal-Awtorità dejjem kienet li min imexxi l-pajjiż għandu d-dritt ixandar dwar il-politika li qed imexxi fuqha. Qal li jikkonċedi li l-PN għandu rimedju jmur quddiem l-Awtorità biex jitlob rimedju. Qal li storikament, dwar reklami tal-baġit l-Awtorità qatt ma ħarġet direttiva u anke kien hemm deċiżjonijiet tal-Awtorità. Qal li l-poplu għandu d-dritt ikun jaf il-politika tal-Gvern x’inhi. Qal li l-PN missu uża r-rimedju li tagħtih l-Awtorità u mhux imur jagħmel mandat u barra minn hekk il-PN ma użax il-proċedura tal-ilmenti u allura l-PBS ma kellux iċ-ċans iwieġeb għall-ilment. Dwar jekk l-ispots kienu fil-linja ta’ dawk li nħarġu fil-passat Dr Mark Vassallo saħaq li fil-passat ixxandru reklami ħafna agħar. Qal li l-PBS m’għandux benchmark imma jafu x’ixxandru fil-passat. Bħala eżempju semma’ l-kampanja tal-baġit tal-2013, ftit xhur qabel l-elezzjoni. Dawn kien fihom “għażla responsabbli” li ma kellha x’taqsam xejn mal-baġit u kienet tag line ftit qabel l-elezzjoni. Għalhekk qal li PBS trid tifhem fuq il-preċedent ukoll. Semma li ma jfissirx li dak li ħareġ fil-passat huwa tajjeb iżda li l-paragun li semma’ Dr Paul Borg Olivier ma kienx floku. Wieġeb għall-materjal informattiv u qal li tniżżel ukoll numru tal-freephone. Rigward l-element tal-kontenut, Dr Mark Vassallo qal li skont PBS dan ma kienx jikser Art.119 u li mhix il-mansjoni ta’ PBS li joħloq rimedju. Semma’ li l-PBS għandu kuntratt għax mhux liċenzjat mill-Awtorità tax- Xandir iżda mill-Gvern u għalhekk hemm obbligu ta’ xandir tal-PSAs. Qal li nfatti l-ispots li bagħat il-PN kien ksur ċar ta’ Art.119 u ma xxandarx. Ikkonkluda li l-obbligu tax-xandar huwa li ma jxandarx ksur ta’ Art. 119. Qal li filwaqt li din is-sena kienu aktar vagi kif wieħed jista’ jgħid li għandu jgħid kif għandha tkun il-metodu ta’ produzzjoni. Dr Mark Vassallo qal li l-Awtorità ma kinitx tidħol fil-metodu ta’ produzzjoni u kienet deċiżjoni tajba. u li l-PBS mhux qed ixandarhom kapriċċożament u fil-liċenzja tal-PBS tobbligah li jxandar dawk il-PSAs.

 

Dr Paul Borg Olivier irreplika li rigward Artikolu 119, dan ma jitkellimx biss dwar politika partiġġjana iżda wkoll dwar public policy fejn allura japplika bilanċ u ħin adekwat bejn partiti rappreżentati fil-parlament. Għamel referenza u semma’ wkoll il-filmat tal-2021 u dwar id-deċiżjonijiet tal-Awtorità u talab li tara dak ir-reklam.

 

Hawnhekk iċ-Chairman intervjena u wissa li l-Awtorità konxja tad-deċiżjonijiet tagħha stess u għalaq is-smigħ.

 

Meta l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex iqis id-diversi sottomissjonijiet u referenzi mressqa. Ħa wkoll konjizzjoni tal-fatt li x-xandar ma stenniex approvazzjoni mill-Awtorità għax-xandir ta’ ċerti spots meta hekk kien mistenni, kif ukoll iddistingwa bejn dawk l-ispots imxandra qabel u wara l-baġit.

Il-Bord innota wkoll li f’kull spot kien hemm materjal li ma setax jikklassifika bħala wieħed politiku fl-intier u li dan l-element kien jippreżenta ruħu bil-parteċipazzjoni tal- Prim Ministru li fi spot ilmentat saħansitra deher viżwalment meta dan ma kienx strettament neċessarju għad-disseminazzjoni ta’ nformazzjoni dwar il-baġit. Għalhekk huwa tal-fehma li ġaladarba jiġu nklużi partijiet ta’ natura politika jew jingħataw sfumaturi politiċi fi spot, dan ma jistax ma jkunx meqjus bħala spot politiku. Il-Bord ddeċieda li żewġ spots minn tlieta li kienu trattati fl-ilment, filwaqt li kienu politiċi għaliex kienu jitrattaw il-budget iżda madanakollu ma kinux partiġġjani u għaldaqstant il-Bord iħoss li ma kinux jimmeritaw rimedju għal żbilanċ.

 

Il-Bord innota li huwa l-Gvern li jrid itella’ informazzjoni u kampanja dwar il-budget li jxandar huwa stess, kif fil-fatt dejjem hekk sar fi snin preċedenti. Din is-sena xxandar spot lejlet il-budget biex iħabbar it-tema tal-budget 2025, liema spot kellu wkoll il- parteċipazzjoni tal-Prim Ministru. Il Bord ra l-inklużjoni ta’ xi kumment taw lok għal sfumatura politika f’dan l-ispot relatat mal-budget u għaldaqstant ħoloq żbilanċ. Għaldaqstant il-Bord iddeċieda li jilqa’ dan l-ilment in parti u jagħti rimedju lill-partit lanjant. Madanakollu l-fatt li l-istess partit għamel mandat, liema mandat intlaqa’ proviżorjament, dan xekkel il-proċess li kellha tieħu l-Awtorità fi smigħ ta’ dan l-ilment. Wara li l-Bord ħa in kunsiderazzjoni kummenti li setgħu kienu politiċi, l-Bord tal-Awtorità se jippermetti lill-partit lanjant rimedju ta’ 4 minuti u nofs li jixxandru fuq TVM u TVM+ hekk kif ġej:-

Ħames spots fuq TVM u erba’ spots fuq TVM+

 

Dawn l-ispots għandhom jixxandru qabel l-aħbarijiet tat-8pm u wara l-aħbarijiet tat-8pm u ma jistax jixxandar l-ebda PSA qabel u wara x-xandir ta’ dawn l-ispots; U fl-ewwel jum meta jidhru dawn l-ispots, spot minnhom irid jidher ukoll waqt il- break tal-aħbarijiet.

 

L-ispot ma jistax ikun itwal minn 30 sekonda-il wieħed.

 

Iridu jiġu identifikati bħala produzzjonijiet tal-PN permezz ta’ logo

 

Il-produzzjoni trid tiġi approvata mill-Awtorità tax-Xandir u trid tkun twieġeb direttament u strettament l-ispot tal-budget 2025

 

Għandhom jibdew jiġu mxandra mhux qabel 3 ijiem minn mindu tiġi mħabbra din id-deċiżjoni u l-ispots iridu jiġu mxandra fuq perjodu ta’ jumejn;

 

Qabel ma jixxandar l-ispot għandha tittella’ caption kif ġej : Dan ir-reklam qed jixxandar fuq struzzjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir wara ilment tal-PN

 

Dawn l-ispots se jkunu qed jgħaddu lill-PBS mill-Awtorità tax-Xandir wara li jkunu ġew approvati mill-Awtorità

Il-PBS għandu jobbliga ruħu li jxandar dawn l-ispots minn dik il-ġurnata li jaslu għandu

 

Intant, ai termini ta’ Artikolu 41 tal-Att dwar ix-Xandir, PBS qed jiġi ordnat jaqra dan is- sunt fil-bullettin tal-aħbarijiet ta’ TVM u TVM+ ta’ mhux iktar minn jumejn wara mill- ħruġ ta’ din id-deċiżjoni:

 

“L-Awtorità tax-Xandir wara numru ta’ seduti trattat ilment mill- PN rigward xandir ta’ budget spots u laqgħet l-ilment in parti. Fid- dawl ta’ dan tat rimedju ta’ 4 minuti u nofs ta’ xandir ta’ spots lill- Partit Nazzjonalista fuq TVM u TVM+, liema spots iridu jitrattaw speċifikament il-budget 2025.”

 

 

 

Smigħ 13/14/15/16_24

 

Ref.: 48/24 30 ta’ Novembru 2024