VIBE FM - The Drive VIBE - Lulju 2024




Deċiżjoni għal akkuża kontra VIBE FM datata 20 ta’ Settembru 2024 rigward il-programmi The Drive VIBE li xxandru f’Lulju 2024

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu akkuża imressqa kontra VIBE FM dwar il-programm The Drive VIBE matul ix-xahar ta’ Lulju 2024.

 

Il-Bord skeda s-smigħ għal 5 ta’ Diċembru 2024 fejn għalih dehru s-Sur Frank Zammit bħala direttur tal-istazzjon u preżentatur tal-programm The Drive VIBE kif ukoll is-Sur Andrew Zammit bħala Operations Director.

 

Il-Kap Eżekuttiv qalet li din hija akkuża kontra VIBE FM fuq numru ta’ progammi The Drive VIBE matul ix-xahar ta’ Lulju 2024 fejn instab numru ta’ code-switching u nuqqas ta’ tħaddim tajjeb tal-ilsien Malti u qed jiġi akkużat li jikser Paragrafu 3(a) tal-Kodiċi tal-Ilsien Malti jgħid li għandu jitħares l-ilsien Malti filwaqt li Paragrafu 3(f) tal-Kodiċi tal-Ilsien Malti jitkellem dwar il-kontenut. Il-Bord ikkonferma li din hija akkuża fuq medda ta’ xahar.

 

Is-Sur Frank Zammit irrefera għar-reklam tal-eduline li kien wieħed mill-istanzi imsemmi fir-rapport u wieġeb li dan huwa reklam bl-Ingliż li huwa fid-direzzjoni ta’ dak imsejjaħ ‘tal-pepe’. Qal li huwa reklam tal-‘Eduline’ fejn hemm karattru jitkellem bil-pepe fejn il-code-switching huwa intenzjonat b’mod umoristiku. Qal ukoll li l-preżentaturi u l-ġurnalisti mhumiex imħeġġa jitkellmu hekk. Is-Sur Frank Zammit offra li jippreżenta r-reklam madankollu l-Bord infurmah li għandu traskrizzjoni tal-istess.

 

Mistoqsi jitkellem dwar il-kontenut l-ieħor is-Sur Frank Zammit iċċara li l-istazzjon jagħmel kontroll frekwenti nkluż il-mod ta’ kif jitkellmu l-preżentaturi on-air  li għandhom jinstemgħu b’mod naturali. Qal li meta jkun hemm użu żejjed tal-Ingliż mill-preżentaturi, dawn jiġu mitkellma. Kompla li wieħed irid iżomm f’moħħu l-udjenza li jkollu l-istazzjon li huwa bejn l-20 u t-tletinijiet. Għalhekk qal li kontenut ikun indirizzat iżjed lejhom.

 

Is-Sur Frank Zammit qal ukoll li qatt ma nġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon dwar dan in-nuqqas. Is-Sur Andrew Zammit qal li l-impjegati ż-żgħar tal-istazzjon għandhom diffikultajiet bil-lessiku Malti għax hija l-kultura li nies tal-età tagħhom qed jittrabbew fiha. Il-Bord semma diversi eżempji fejn l-istazzjon seta’ kien iżjed kawt. Is-Sinjuri Zammit irrikonoxxew li teżisti problema reali. Il-Bord ġibed ukoll l-attenzjoni dwar id-djalett Malti u ta diversi eżempji.

 

Is-Sur Andrew Zammit spjega li wara li l-istazzjon irċieva din l-akkuża laqqa’ l-preżentaturi u spjegalhom li minkejja li n-nies tat-triq jitkellmu b’ċerta mod, il-preżentaturi għandhom ikollhom għarfien aħjar tal-Malti. Is-Sinjuri Zammit saħqu li jammettu li kien hemm lok ta’ titjib u fissru l-pożizzjoni tagħhom.

Meta r-rappreżentanti tal-istazzjon u l-Kap Eżekuttiv allontanaw, il-Bord iddiskuta l-akkuża u kkunsidra wkoll il-fatt li kien hemm ammissjoni mill-istess rappreżentanti tal-istazzjon. Filwaqt li qed isib l-istazzjon ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, qiegħed iwiddbu sabiex jaċċerta b’iżjed reqqa sabiex dawn il-leżjonijiet ma jsirux.

 

 

 

Smigħ 17_24

Ref.:   56/12

 7 ta’ Diċembru 2024