Deċiżjoni dwar Ilment rigward il-programm Exodus fuq F Living tal-15 ta' Frar, 2019
L-Awtorità kellha quddiemha ilment minn Ms Gabriella Calleja, Head Human Rights Directorate rigward il-film bl-isem Once Gay li xxandar fuq F Living waqt il-programm Exodus fil-15 ta’ Frar, 2019.
L-Awtorità semgħet minn naħa waħda lil Ms Gabriella Calleja, Direttriċi tal-SOGIGESC Unit li kienet assistita mill-Avukat Dr Desiree Attard u minn naħa ‘l-oħra lis-Sinjuri Gilio Pirrone f’isem F Living u lis-Sur Ivan Grech Mintoff għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-3 t’April, 2019.
Dr Desiree Attard spjegat kif siltiet mill-film imxandar kienu jqajmu mibgħeda diretta lejn il-komunita’ LGBTIQ u dan il-film kien jikkostitwixxi reklam għal dik li tissejjaħ conversion therapy liema prattika kienet illegali f’Malta. Dr Attard qalet li dan il-kontenut kien imur kontra Artiklu 82A tal-Kodiċi Kriminali li jistabbilixxi bħala reat kriminali l-użu ta’ kliem jew imġieba ta’ theddid, abbusivi jew insolenti ... bil-ħsieb li b’hekk iqajjem mibgħeda jew vjolenza razzjali jew reliġjuża kontra xi persuna oħra jew grupp ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identita’ tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali ... b’hekk [tinħoloq] il-probabbilta’ li meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi kollha titqajjem vjolenza jew mibgħeda razzjali jew reliġjuża... .
Dr Attard qalet illi partijiet mill-istess film kienu jmorru kontra wkoll id-dispożizzjonijiet dwar ‘prattiċi ta’ konverzjoni’ hekk kif deskritt fl-Att Dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, L-Identità tal-Ġeneru u l-Espressjoni tal-Ġeneru u jikkostitwixxu reat kriminali. Filwaqt li ċċitat sentenzi tal-Qrati Maltin fil-kawżi fl-ismijiet Il-Pulizija vs Stephen Caruana (11/07/2003) u il-Pulizija vs Norman Lowell (15/07/2013) u kif ukoll tal-Qorti Ewropeja, Dr Attard qalet li dan il-kontenut kien jikkostitwixxi ‘hate speech’ u talbet li l-Awtorità tagħti rimedju xieraq madanakollu il-parteċipazzjoni f’dibattitu ma kienitx meqjusa adekwata.
Is-Sur Giglio Pirrone qal li l-istazzjon ma kellu l-ebda ħsieb li kien ser jinħoloq xi forma ta’ żbilanċ jew li xi parti tas-soċjeta’ tiġi offiża u saħansitra wara l-ilment kien offra stedina f’edizzjoni oħra tal-istess sensiela.
Is-Sur Ivan Grech Mintoff filwaqt li ċaħad l-akkużi qal li minħabba n-natura tal-każ u l-akkużi serji li kienu saru kien qed iżomm id-dritt li jirreferi għal assistenza legali. Żied li dak li ntqal fil-film kienu veduti personali marbutin ma’ twemmin reliġjuż ta’ min qalhom. Żied li dan kien tentattiv ieħor biex jitnaqqar id-dritt tal-liberta’ tal-espressjoni u d-dritt marbut mat-twemmin reliġjuż.
Is-Sur Grech Mintoff qal li l-istazzjon kien għamel stedina għal parteċipazzjoni u din ma ġietx milqugħa. Żied li sa dakinhar il-punti rilevati mid-Dipartiment fl-istess smiegħ ma kinux ġew komunikati lilu u l-istazzjon u għalhekk kellu dritt jiddefendi ruħu legalment.
L-Awtorità ddiskutiet fit-tul dan l-ilment u s-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-argumenti rilevati waqt il-programm kienu jimmeritaw diskussjoni aktar wiesgħa. In vista ta’ dan l-Awtorità ddiriġiet lill-istazzjon sabiex joffri rimedju billi jalloka spazju f’forma ta’ dritt għal risposta biex ikunu esposti l-veduti u l-argumenti tal-parti l-oħra fil-każ u b’mod ġenerali jinħoloq il-bilanċ rikjest mill-liġi.
Illum it-3 ta’ Mejju, 2019