F Living - Para. 20, 23, 28 u 31 tat-Tielet Skeda - 11 ta’ Jannar 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward
it-trasmissjoni fuq F Living tal-11 ta’ Jannar, 2018.


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward it-trasmissjoni tal-11 ta’ Jannar, 2018 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafi 20, 23, 28 u 31 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta, matul din it-trasmissjoni (bejn 16:34:40 – 16:42:30) eżatt wara l-programm Fliving Show, ixxandret tieqa ta’ telebejgħ (immarkat mill-istazzjon bħala TV Shop u bl-avviż dwar il-cooling off period) li kienet magħmula minn twieqi ta’ Tatara Bathrooms, Omajco Bedding & More u Best Deal Shopping. Minkejja li l-avviż dwar il-cooling off period ixxandar eżatt qabel il-parti ta’ Tatara Bathrooms, ir-rokna ta’ Tatara Bathrooms fl-ebda ħin ma kienet immarkata bħala telebejgħ. Barra minn hekk, matul din il-parti dehru numru ta’ prodotti li ma ngħatax il-prezz tagħhom. Fil-parti ta’ Omajco Bedding & More, għalkemm dehru l-kliem TV Shop, fl-ewwel parti wkoll dehru diversi prodotti li ma ngħatax il-prezz tagħhom. Barra minn hekk, it-tul komplessiv ta’ din ir-rokna ta’ telebejgħ kien ta’ 7’51” (ir-rokna ntemmet fl-16:42:31; infatti ixxandret promozzjoni bl-isem Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek) u għaldaqstant ma kellhiex it-tul minimu ta’ 15-il minuta.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sinjuri Karl Bonaci u Giglio Pirrone f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-8 t’Awwissu, 2018 li minn naħa tagħhom iddikjaraw li huma dejjem fittxew li josservaw bl-aktar mod rigoruż ir-regolamenti dwar rekamar u għalhekk dan il-każ kien nuqqas ġenwin u avverra ruħu bi żvista u bla ebda intenzjoni.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali ridotta relattiva fl-ammont ta’ €930 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.

Illum 3 ta’ Settembru, 2018