Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward it-trasmissjoni tat-28 ta’ Settembru, 2017
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward it-trasmissjoni tat-28 ta’ Settembru, 2017 fejn kien allegat ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta mir-rapport li għamel id-Dipartiment tal-Monitoring, irriżulta li bejn l-1200 u s-1300, l-istazzjon xandar total ta’ 24 minuta u 28 sekonda ta’ reklamar.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Karl Bonaci f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li kien akkumpanjat mis-Sur Giglio Pirrone, f’seduta li nżammet fit-13 ta’ Novembru, 2017.
Minn naħa tiegħu s-Sur Karl Bonaci ikkontenda li kien evidenti li fil-kalkolu tal-ħin kien hemm inkluż element ta’ telebejgħ u kien għalhekk li l-ħin kien jidher eċċessiv.
Il-Kap Eżekuttiv qalet li jekk dan kien il-każ allura r-regoli dwar teleshopping ma kienux qed jiġu segwiti. Żiedet li ma kien hemm l-ebda distinzjoni fin-natura, forma u l-prezentazzjoni tar-reklamar in kwistjoni, u dak li xxandar ma kienx offerta diretta u ma kellux il-karatteristiċi prinċipali ta’ telebejgħ.
L-Awtorità semgħet is-sottomissjonijet tal-partijiet, rat id-dokumentazzjoni relattiva u kif ukoll segwiet analiżi tal-każ minn uffiċċjal tagħha li minn naħa tiegħu elenka b’mod dettaljat l-elementi reklamatorji/kummerċjali waqt it-trażmissjoni tat-28 ta’ Settembru, 2017 li wasslu sabiex tinħareġ akkuża kontra l-istazzjon, in partikolari d-differenza bejn il-karatteristiċi ta’ Telebejgħ li kienu jiddistingwuh minn forom ta’ reklamar oħra, fejn kien evidenti li l-istazzjon kien qed iħallat dawn il-forom b’tali mod li jimmassimizza l-ħin allokat għar-reklamar.
L-Awtorita’ nnutat li fi kwalunkwe ċirkostanza l-istazzjon kien qed imur kontra provvediment tal-liġi, sew jekk il-kontenut kummerċjali jkun meqjus reklamar proprju u sew jekk parti minn dan ikun meqjus telebejgħ u dan għaliex fiż-żewġ forom kien hemm parametri ta’ ħin li kienu qed jiġu miksura. In oltre t-telebejgħ li kien qed jippreżenta l-istazzjon ma kienx jirrispetta l-kriterji ġia stabbiliti fi-liġi. In vista ta’ dan kollu l-Awtorita’ ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali relattiva fl-ammont ta’ €1160 liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
Illum 2 ta’ Jannar, 2018