F Living - Bejnietna -19 t’Awwissu, 2015




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward l-edizzjoni tal-programm Bejnietna li xxandret fid-19 t’Awwissu fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 15 tat-Tielet skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta bejn id-9.00p.m. u l-10.00p.m. kien hemm 16-il minuta u 13-il sekonda ta’ reklamar u dan bi ksur tal-imsemmi provvediment tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Virgilio Pirrone, f’seduta li nżammet fl-20 t’Ottubru, 2015, li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża qal li kien evidenti li dan kien inċident riżultat ta’ problema fl-apparat li jirregola t-tqassim tat-trażmissjoni, wara li kien hemm qtugħ fl-elettriku. Żied li b’mod ġenerali u fil-prattika l-istazzjon fl-ebda mument ma huwa f’pożizzjoni li jxandar dak l-ammont ta’ reklami f’siegħa orarja, u apparti dan kien dejjem attent biex josserva b’mod rigoruż il-liġi.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu in vista tal-fatt li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm, iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.


Illum 2 ta’ Novembru, 2015