Akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward il-programm Esperjenza li xxandar fit-2 t’ottubru, 2017
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward l-edizzjoni tal-programm Esperjenza li xxandret fit-2 t’Ottubru 2017 fejn kien allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta fil-parti introduttorja tal-programm u anki f’ħin ieħor waqt rokna tas-sbuħija, il-preżentatur ta numru tat-telefon lit-telespetatturi, liema numru kien l-istess numru li kien qed jidher f’kull reklam li deher tat-Top Brands matul il-programm. Dan wassal għall-assoċjazzjoni bejn il-kontenut tal-programm u l-element reklamatorju u kummerċjali tat-Top Brands.
In oltre, fl-istess programm il-preżentatur Alan Gatt jidher jagħmel reklam ta’ prodotti differenti li wieħed jista’ jsibhom mingħand Top Brands u fl-istess waqt jerġa’ jingħata l-istess numru tat-telefon li ngħata fil-bidu mill-preżentatur innifsu. Fil-programm il-preżentatur uża terminoloġija li turi li huwa involut fin-negozju tal-hairdressing.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Karl Bonaci f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li kien akkumpanjat mis-Sur Giglio Pirrone, f’seduta li nżammet fit-13 ta’ Novembru, 2017.
Is-Sur Karl Bonaci ikkontenda li l-għoti tan-numru tat-telefon huwa neċessarju peress li fil-programm jiġu trattati temi delikati li mhux it-telespettaturi kollha iħossuhom komdi jiddiskutu on air u allura dawn jingħataw l-opportunità jesprimu ruħhom permezz tat-telefon. Żied li dan il-programm kien ilu jixxandar għal xhur sħaħ u qatt ma nġibdet l-attenzjoni dwar xi nuqqasijiet.
L-Awtorità, wara li rat id-dokumentazzjoni relattiva u ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali relattiva ta’ €1,750, liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
Illum 1 ta’ Diċembru, 2017