F Living - F Living - 22 ta’ Jannar, 2016




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-istazzjon F Living rigward trasmissjoni tat-22 ta’ Jannar, 2016 bejn l-4.00p.m. u l-5.00p.m. fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta jirriżulta li bejn l-4.00p.m. u l-5.00pm, l-istazzjon xandar total ta’ 15-il minuta u 58 sekonda ta’ reklamar (u dan mingħajr ma ttieħed in konsiderazzjoni r-reklamar li xxandar parti minnu minħabba ħsara teknika li kien hemm). Intant bejn il-5.00pm u s-6.00pm, l-istazzjon xandar total ta’ 22 minuta u 37 sekonda ta’ reklamar. Mehmuż ma’ din l-akkuża għandek issib lista tar-reklamar li xxandar fuq F Living f’dawn is-sagħtejn indikati.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Virgiglio Pirrone li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-30 t’Awwissu, 2016.

Minn naħa tiegħu s-Sur Pirrone filwaqt li ammetta l-akkuża qal li fil-każ in eżami dak li kellu jkun teleshopping kien ikklassifikat u kkalkulat bħala reklamar għal fini tat-tnax il-minuta f’siegħa orarja. Żied li dwar dan kienu diġa saru diskussjonijiet mal-Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring u l-problema kienet ġiet iċċarata. Żied li l-istazzjon fl-ebda ħin tal-ġurnata ma kien ibiegħ tnax-il minuta ta’ reklamar u għalhekk il-ksur allegat ma setgħax jirriżulta, għajr għar-raġuni suesposta u ċioe nuqqas ta’ distinzjoni ċara minn naħa tal-istazzjon ta’ dak li huwa reklamar u dak li jikkostitwixxi teleshopping.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon u qablet li din l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu minħabba t-trapass taż-żmien u l-fatt li din kienet l-ewwel okkażjoni għall-Bord il-ġdid li jisma’ u jikkonsidra ilmenti, iddeċidiet li twiddeb lill-istess biex ma jirrepetix tali nuqqas.

F’dan il-każ ukoll l-Awtorità saħqet li kienet ser tkun aktar viġilanti biex il-Liġi u r-regolamenti dwar reklamar u teleshopping ikunu osservati bl-aktar mod ampju u b’aktar impenn mill-istazzjonijiet.

Illum 7 ta’ Settembru, 2016