L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living Channel dwar il-programm F Living Show li xxandar fl-4 ta’ Lulju, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ Artikli 15, 23, 25(b) u 33 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt il-programm kien hemm diversi ksur li kienu: t-telebejgħ ta’ Stylish Bathrooms li fih ma kienx hemm il-prezzijiet tal-oġġetti li kienu qegħdin jidhru waqt din it-tieqa, inkluż ukoll il-wiri ta’ reklam tal-istess Stylish Bathrooms. Intant, waqt ir-rokna tat-telebejgħ tal-County Flowers l-istazzjon naqas li jagħti l-prezzijiet tal-oġġetti kollha li ntwerew u li kienu b’offerta diretta. Għall-ħabta tal-11.30a.m. ixxandret tieqa ta’ telebejgħ ta’ Disegno Ceramica fejn ma ngħatax il-prezz tal-oġġetti kollha li ntwerew. Barra minn hekk, kien hemm ukoll promozzjoni għax-showrooms tal-Iklin u Ħal-Qormi. Intant, fis-6.30p.m. ixxandret tieqa ta’ telebejgħ ta’ PTR Marine Division. Waqt din ir-rokna kien hemm referenzi għal diversi mudelli ta’ dinghies u dgħajjes li mhux kollha ntwerew fil-programm u ftit kien hemm indikazzjonijiet ta’ prezzijiet tal-mudelli varji. Ġie nnutat ukoll li l-istazzjon xandar total ta’ 19-il minuta 22 sekonda reklamar bejn l-4.00p.m. u l-5.00p.m.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Karl Bonaci li kien akkumpanjat mis-Sur Giglio Pirrone, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Diċembru, 2014.
Minn naħa tiegħu s-Sur Bonaci filwaqt li ammetta l-akkuża qal li in parti n-nuqqasijiet elenkati kienu riżultat ta’ problemi tekniċi. Żied li l-istazzjon u d-diriġenti kienu qed jagħmel ħilithom kollha sabiex jippreżentaw programmi ta’ kwalita’ għolja filwaqt li jibqgħu joperaw u vijabbli u dan minkejja l-kompetizzjoni.
L-Awtorità ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni min-naħa tal-istazzjon kif ukoll il-fatt li wħud minn nuqqasijiet kienu attribwiti għal ħsarat tekniċi u filwaqt li ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata qablet li tipproċedi billi filwaqt li timponi l-penali relattiva tissospendi l-impożizzjoni tagħha għal perjodu ta’ sitt xhur. L-Awtorità ddiriġiet li tul dan iż-żmien kellha ssir sorveljanza akkurata tat-trażmissjoni tal-istazzjon biex ikun aċċertata li dawn in-nuqqasijiet ma jirrepetux ruħhom, f’liema każ is-sospensjoni taqa’ u tkun imposta l-penali.
Illum 9 ta’ Diċembru, 2014