Akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward il-progarmm Nista’ li xxandar fil-31 ta’ Jannar, 2017
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward il-programm Nista’ li xxandar fil-31 ta’ Jannar, 2017, fejn ġie allegat li bejn l-19:00 u 20:00, l-istazzjon xandar total ta’ 20 minuta u 20 sekonda ta’ reklamar u dan bi ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Gilio Pirrone li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fl-4 ta’ Lulju, 2017 li minn naħa tiegħu ikkontenda u attribwixxa dan in-nuqqas għal fatt li programm ikun beda tard u b’hekk pakkett ta’ reklami abbint miegħu jkun ixxandar fis-siegħa orarja suċċessiva b’dan illi jirriżulta eċċess ta’ reklami li jaqbeż il-limitu konsentit bil-liġi. Żied li dan in-nuqqas kien żball ġenwin tant li l-istazzjon lanqas jirnexxielu jbiegħ it-tnax-il minuta f’siegħa orarja kif konsentit aħseb u ara 20 minuta.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u qablet li timponi l-penali relattiva abbinata ma dan l-istess ksur ta’ elf mija u sittin Euro (€1160) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
Illum 21 ta’ Lulju, 2017