F Living - Propjeta’ minn Wara l-Kwinti - 24 ta' Jannar 2019




Deċiżjoni dwar il-programm Propjeta’ minn Wara l-Kwinti
li xxandar fl-24 ta’ Jannar, 2019

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward il-programm Propjetà minn Wara l-Kwinti li xxandar fl-24 ta’ Jannar, 2019, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16 J (2) , Artiklu 13 (2) (a) u Artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt il-programm kien hemm diskussjoni dwar il-graffitti b’lingwi varji li mhumiex il-Malti jew l-Ingliż u l-komunità tas-Serbi f’Malta. Il-mistieden residenti tal-programm kien is-Sur Simon Debono li ġie introdott bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Federation of Estate Agents.

Il-mistieden is-Sur Simon Debono tkellem dwar ħjiel u suspetti rigward l-ammont ta’ Serbi f’Malta u wasal biex kompla bl-ipoteżi tiegħu li dawn is-Serbi jistgħu jagħtu lok għal dħul ta’ mafja Serba f’Malta. Matul il-programm is-Sur Debono ta l-interpretazzjoni tiegħu tal-graffitti bil-lingwa Serba li qed jinstabu ma’ proprjetajiet Maltin u kif dawn jindikaw li jeżistu gangs f’Malta. Matul il-programm il-mistieden semma’ li f’Malta hawn gangs kriminali Serbi b’rabta mal-mafja Serba u biex isostni dan il-punt wera siltiet minn dokumentarju dwar il-mafja Serba u l-operat tagħha. Permezz ta’ dawn il-filmati u bil-mod kif żvolġa l-programm jirriżulta li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16 J (2) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li l-mod kif ġie ppreżentat il-programm u d-diskussjoni fih wasslet għal inċitament għal mibegħda bbażata fuq nazzjonalità.

Barra minn hekk aktar ‘il quddiem matul il-programm minħabba li l-mistieden enfasizza li dawn il-barranin Serbi huma perikolużi, li ssuġerixxa li l-Maltin għandhom jarmaw darhom b’kameras ta’ sigurta, qal li jekk dawn ma jwasslu għal xejn, allura wieħed għandu jixtri arma tan-nar u jattendi korsijiet ta’ sparar. Qal li l-parir li jagħti huwa li jagħmlu l-kors ta’ target licence shooter A & B u ta parir li jixtru arma u jżommuha d-dar. Diskors bħal dan imur kontra Artiklu 13 (2) (a) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li kontenut bħal dan “...x’aktarx jinkoraġixxi jew iħajjar għall-kriminalità jew iwassal għal diżordni...”.

Barra minn hekk, dan il-programm kellu wkoll irregolaritajiet mil-lat ta’ reklamar. Matul il-waqfiet tar-reklami xxandru reklami għall-kumpanija Simon Estates u f’dawn ir-reklami intwera l-isem u n-numru tal-mobile ta’ Simon Debono, liema numru wkoll ingħata matul id-diskussjoni bħala l-kuntatt tal-Federeration of Estate Agents. B’dan il-mod inħolqot assoċjazzjoni bejn il-kontenut editorjali tal-programm u l-kontenut kkummerċjali. Ta’ min jirrimarka wkoll li l-programm jingħad li huwa mtella’ mill-Federation of Estate Agents.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Karl Bonaci li kien akkumpanjat mis-Sur Gilio Pirrone f’isem F Living u lis-Sur Simon Debono għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-17 t’April, 2019.

Minn naħa tiegħu s-Sur Simon Debono staqsa jekk l-Awtorità kelliex evidenza ta’ diżordni jew inċitament għall-mibgħeda bbażata fuq in-nazzjonalita’. Żied li s-Serbi kienu klijenti tiegħu madanakollu wieħed ma setgħax jinjora s-sitwazzjoni preżenti b’żieda ta’ kriminalità organizzata. Żied li meta tkellem dwar il-bżonn li l-pubbliku jakkwista arma tan-nar u jitħarreġ fl-użu tagħha huwa dejjem tkellem fl-ambitu ta’ legalità u bl-ebda mod ma kien qiegħed jalludi li kellha tinkiser xi liġi.

Is-Sur Karl Bonaci qal li l-istazzjon kien qiegħed jipprova jqajjem kuxjenza fost il-pubbliku dwar attivita’ kriminali li kienet qiegħda tiżdied. Żied li FLiving kien qed jipprova jimxi differenti minn stazzjonijiet oħra.

Dwar il-parti tal-akkuża marbuta mar-reklamar s-Sur Debono qal li sa dakinhar tal-akkuża huwa kien juża numru tal-mobajl wieħed għall-attivitajiet tiegħu kollha inklużkummerċjali u kien għalhekk li irriżulta dan il-każ. Żied li issa kien qed juża numri differenti għall-attivita’ kummerċjali u attivita’ oħra.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat il-filmat relattiv u qablet li b’mod ġenerali siltiet mill-intervent tas-Sur Debono fil-programm kienu allarmisti u wieħed ried ikun attent li ma jnissilx biża fost it-telespettaturi. L-Awtorità rreteniet illi s-suġġeriment tas-Sur Debono li wieħed kellu jikkonsidra li jixtri arma tan-nar minħabba l-periklu li kienu qed jippreżentaw is-Serbi kien fil-fatt jikser ir-regolamenti dwar gosti tajbin u kif ukoll li l-parti tal-akkuża rigwardanti r-reklamar kienet tissussisti. L-Awtorità in vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet iddeċidiet li parti mill-akkuża kienet ġiet ippruvata u għaldaqstant qablet li kellha timponi l-penali ridotta ta’ (€1750) liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.


Illum it-3 ta’ Mejju, 2019