F Living - Puttinu - 18, 19 u l-20 ta’ Mejju, 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward
il-maratona ta’ Puttinu li xxandret fit-18, 19 u l-20 ta’ Mejju, 2018 fuq F Living

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward it-trasmissjoni tal-11 ta’ Jannar, 2018 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 23(5) tal-Att dwar ix-Xandir meta, minkejja l-Artiklu 23(5) tal-Att Dwar ix-Xandir u ċ-Ċirkulari 13/17 ta’ nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Diċembru 2017, l-istazzjon effettwa tibdil fl-iskeda tal-programmi mingħajr ma informa lill-Awtorità tax-Xandir u għaldaqstant lanqas ingħatat l-approvazzjoni għal dan. Għalhekk it-trasmissjoni tal-maratona ta’ Puttinu seħħet bi ksur ta’ Artiklu 23(5) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li l-istazzjon ma addottax il-proċedura indikata kemm fiċ-ċirkulari 13/17 kif ukoll fil-liġi.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sinjuri Karl Bonaci u Giglio Pirrone f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-8 t’Awwissu, 2018 li minn naħa tagħhom filwaqt li ammettew l-akkuża, irrilevaw li t-talbiet għal xandir ta’ maratoni għall-ġbir ta’ fondi matul is-sena kien konsiderevoli u minn naħa tagħhom dejjem kienu jfittxu li jgħatu l-kontribut tagħhom għall-iskopijiet u ħtiġijiet differenti.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon, u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu qablet li din kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. In oltre l-Awtorità saħqet fuq l-importanza li l-istazzjonijiet josservaw il-provvedimenti tal-liġi u sakemm iċ-ċirkostanzi jippermettu, jinfurmaw lill-Awtorità b’tibdil fl-iskeda. In oltre u b’mod ġenerali l-Awtorità kkummentat fuq il-kwalità xi drabi xejn professjonali ta’ xi wħud minn dawn ix-xandiriet u saħqet fuq il-ħtieġa ta’ titjib għall-benefiċċju tat-telespettaturi.


Illum 3 ta’ Settembru, 2018