Favourite Channel - Aħbarijiet - 9 u 10 ta' Marzu 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Favourite Channel dwar l-aħbarijiet tal-Ġimgħa 9 ta’ Marzu, 2012, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir waqt il-bulettini tal-aħbarijiet ta’ Favourite Channel tad-9 u l-10 ta’ Marzu 2012 meta l-istazzjon irrapporta ż-żjara li għamlet il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono lill-proġetti  f’Kerċem u Marsalforn.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u kif ukoll lis-Sur Virgilio Pirrone u s-Sur Jesmar Baldacchino li dehru f’isem l-istazzjon.

Il-Kap Eżekuttiv qal li kemm il-liġi u kif ukoll id-Direttiva kienet tagħmilha ċara li fil-jiem tas-silenzju m’għandu jsir l-ebda xandir li b’xi mod jista’ jinfluwenza l-votanti u li wara li kien infurmat mid-Dipartiment tal-Monitoring b’dan ir-rapport  huwa ġibed l-attenzjoni tal-istazzjon, madanakollu l-istess rapport reġa’ xxandar fil-11.19 pm tal-istess jum u l-għada 10 ta’ Marzu, 2012 fil-5.15 am u fid-9.15am u għalhekk ħass li kellu joħroġ din l-akkuża. 

Ir-rappreżentanti tal-istazzjon ikkontendew li dan is-servizz kien ibbażat fuq komunikazzjoni Ministerjali dwar proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropeja u għalkemm il-kontenut kien editjat, l-informazzjoni li xxandret ma kienitx meqjusa problematika u li tmur kontra d-Direttiva u dan peress li ma ssemmewx kandidati.

L-istazzjon spjega li n-notifika tal-ksur tad-Direttiva kienet waslet l-istazzjon fl-10 ta’ Marzu, 2012 u mhux fid-9 ta’ Marzu u li fil-ġranet u l-ħinijiet in kwistjoni l-istazzjon kien qed jitħaddem b’sistema awtomatika u ma kien hemm ħadd li setgħa fiżikament jieħu miżuri sabiex jirranġa jew jeditja l-partijiet oġġezzjonabbli.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rriteniet li l-istazzjon kellu jkun aktar attent u konxju mir-regolamenti riflessi fid-Direttiva. Minkejja li ma ssemmew l-ebda ismijiet ta’ kandidati fl-elezzjoni fir-rapport in kwistjoni, xorta waħda l-kontenut seta’ jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jikkostitwixxi ksur tad-Direttiva minħabba li seta’ raġonevolment jiġi kkunsidrat li "b’xi mod jinfluwenza lill-votanti".

L-Awtorità għalhekk ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u imponiet il-penali ta’ erbat elef sitt mija u sittin Ewro (€4,660).  Madanakollu, peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur, iddeċidiet li tissospendi l-ħlas tal-penali. 

In oltre l-Awtorità innutat il-fatt li fi żmien delikat u ċioè waqt il-jiem tas-skiet f’Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-istazzjon kien qed jitħaddem b’sistema awtomatika.  Konsegwenza ta’ dan, fil-każ in eżami, l-istazzjon ma kellux sistema biex tittieħed azzjoni effettiva u immedjata.  L-Awtorità ħasset li dan kien nuqqas u kellha tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjon biex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu evitati problemi ta’ dan it-tip fil-futur.

10 t’April 2012