Favourite Channel - Mitqlu Deheb - 11, 18, u 25 t'April 2012




Deċiżjoni dwar l-Ilmenti mill-Kummissarju għat-Tfal

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Kummissarju għat-Tfal, is-Sinjura Helen D’Amato rigward il-programm Mitqlu Deheb li jixxandar fuq Favourite Channel, fejn kien allegat li l-preżenza ta’ żewġt itfal żgħar tul il-programm, li kien jitratta temi adatti għall-adulti u li kien jixxandar bejn id-9.00 p.m. u l-11.00 p.m. kienet oġġezzjonabbli għaliex apparti li kienet tesponi lill-istess tfal inutilment għal sitwazzjonijiet delikati, diffiċli u ta’ qsim il-qalb, kemm it-tul tal-programmi u kif ukoll il-ħin li fih jixxandar kienu detrimentali għas-saħħa fiżika tagħhom, meta wieħed jikkonsidra li l-jum suċċessiv dawn riedu jqumu għall-iskola u dan speċjalment meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni li l-programm jixxandar live.

L-Awtorita’ semgħet kemm lis-Sinjura Helen D’Amato u lis-Sur Virgigilo Pirrone li kien qed jidher f’isem l-istazzjon f’seduta li nżammet fit-8 ta’ Mejju 2012.

Fis-sottomissjonijiet tagħha s-Sinjura D’Amato qalet li n-natura ta’ dawn il-programmi u t-temi trattati ma kienux addattati għal tfal ta’ età żgħira u għalkemm hija kienet tippromwovi u tissapportja l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-media, hija kienet tisħaq li tali parteċipazzjoni kellha tkun waħda attiva u pożittiva u ma kellhiex tkun detrimentali għall-istess tfal.  Żiedet li f’dan il-każ wieħed ma setax jikkonsidra l-preżenza tat-tfal fl-istudjo bħala parteċipazzjoni għax dawn ma kienu jagħmlu xejn għajr jintwerew bil-wieqfa lebsin ta’ anġli għal sagħtejn sħaħ, filwaqt li jkunu esposti għas-sitwazzjonijiet u każi immirati lejn udjenza matura.

Minn naħa tiegħu s-Sur Virgiglio Pirrone iddikkjara li kien evidenti li l-produttur, għalkemm ma kellha l-ebda ntenzjoni li tikkawża sitwazzjoni li setgħet tkun ta’ detriment għat-tfal, ma kienitx sensittiva biżżejjed għall-aspetti suesposti u qal li kienu diġà ingħataw struzzjonijiet lill-istess produttur sabiex jittieħdu miżuri korrettivi.  Żied li minn naħa tiegħu kien jifhem u l-preokkupazzjonijiet u l-punti rilevati mill-Kummissarju għat-Tfal.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-ilment kien ġustifikat u ddeċidiet li fiċ-ċirkostanzi tal-każ kellha tirrakkomanda lill-istazzjon jieħu l-miżuri neċessarji sabiex f’dan il-programm u oħrajn simili li kienu immirati għal udjenza matura u li kienu jixxandru wara d-9.00 p.m. ma jkunx hemm il-preżenza u/jew il-parteċipazzjoni ta’ tfal.

Illum 11 ta’ Mejju, 2012