L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Favourite Channel rigward il-programm Sfera li xxandar fl-10 ta’ Mejju, 2013 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt rokna dwar il-valuri taż-żgħażagħ kien intervistat Christian Ellul Vincenti sid ta’ intrapriża ġdida bl-isem ta’ Dudu, li waqt l-istess intervista għamel kummenti meqjusa reklamatorji b’hekk li rriżultat f’nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kontenut informattiv u dak reklamatorju.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, kif ukoll lis-Sur Gilio Pirrone, f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lis-Sur Kevin Mercieca bħala produttur, f’seduta li nżammet fid-9 ta’ Lulju, 2013.
Min-naħa tiegħu s-Sur Mercieca qal li din ir-rokna fil-progarmm hija intiża li tippromwovi u tintroduċi lit-telespettaturi ma’ talent lokali. Żied li l-istess rokna hija informattiva u bl-ebda mod ma kienet l-intenzjoni tal-produzzjoni li jsir gwadann finanzjarju a bażi ta’ kontenut reklamatorju.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat il-filmat relattiv, qablet li, minkejja li l-intervista dwar mezz ta’ transport ġdid kienet ta’ interess għat-telespettaturi, dan kien każ ċar fejn in-nuqqas ta’ esperjenza tal-preżentatur waslet sabiex il-mistieden jagħmel gwadann promozzjonali. In vista ta’ dan, l-Awtorità kienet tal-fehma li fiċ-ċirkostanzi tal-każ ma kellhiex issib l-istazzjon ħati tal-imsemmi ksur u għaldaqstant ma kellhiex tipproċedi ulterjoralment kontra l-istess. Madanakollu l-Awtorità iddiriġiet li kellha tinġibed l-attenzjon tal-istazzjon għall-ħtieġa li l-produtturi u l-preżentaturi tal-programmi kellhom ikunu a konjizzjoni tar-regoli u l-liġijiet viġenti, sabiex jagħrfu jikkontrollaw aħjar il-komportament tal-mistiedna fil-programmi.
15 ta’ Lulju, 2013