Fliving Channel - Karl's Podcast - 12 t'Ottubru 2025




Deċiżjoni għal akkuża imressqa kontra Fliving Channel nhar it-23 t’Ottubru 2025 rigward il-programm ‘Karl’s Podcast’ ta’ nhar il-Ħadd 12 t’Ottubru 2025

Il-Bord kellu quddiemu akkuża mressqa mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir kontra Fliving Channel fir-rigward tal-programm ‘Karl’s podcast’ tat-12 t’Ottubru 2025. L-istazzjon għażel li jikkontesta l-akkuża. Għaldaqstant il-Bord organizza s-smigħ għal nhar il-Ħamis 27 ta’ Novembru 2025 fis-14:30.

 

Għall-istazzjon deher is-Sur Karl Bonaci, preżentatur tal-istess.

 

Il-Kap Eżekuttiv għamlet referenza għax-xandira msemmija li matulha kienu trattati diversi temi ta’ natura kurrenti fosthom il-ħatriet fil-ġudikatura u l-ambjent. Minkejja li l-programm kien dwar ġrajjiet kurrenti, il-produzzjoni xorta waħda nkludiet ringrazzjamenti fil-forma ta’ sponsor lil diversi entitajiet. Qalet li dan sar bi ksur ta’ Art. 16(L)(4) ta’ Kap. 350, l-Att dwar ix-Xandir. Irrimarkat li l-istazzjon kien diġa imwissi permezz ta’ emails li dan il-programm issa li qed jixxandar fuq pjattaforma lineari ried jaderixxi mal-provvedimenti tal-Liġi tax-Xandir u fil-fatt kienet inġibditlu l-attenjoni fid-9 ta’ Ottubru 2025 rigward l-inklużjoni ta’ sponsors fil-programm.   

 

Il-Kap Eżekuttiv kompliet li minbarra l-inklużjoni tal-isponsors matul il-programm qed tidher  marka tad-ditta ‘RØDE’ u li dan jikkostitwixxi ksur tal-Art. 16M(2) ta’ Kap. 350, l-Att dwar ix-Xandir minħabba tqegħid ta’ prodott fi programm ta’ ġrajjiet kurrenti.

 

Is-Sur Karl Bonaci wieġeb dwar it-tieni parti u ċioè li ‘RØDE’ hija ditta professjonali u li wara li rċieva l-akkuża, l-istazzjon ħa miżuri sabiex jgħatti d-ditta. Qal ukoll li dan il-programm kien ilu jsir minn Jannar 2025. Dwar sponsorships qal li hu ma jagħmilx reklamar iżda fl-aħħar jirringrazzja l-isponsors tiegħu. Qal li hemm kompetizzjoni sħiħa bejn l-istazzjonijiet u li stazzjon jispiċċa rrilevanti u mingħajr sponsors jekk jimxi mad-dett tal-liġi. Semma li diffiċilissimu tikkompeti ma’ stazzjonijiet oħra fosthom ix-xandar Nazzjonali. Is-Sur Karl Bonaci issuġġerixxa wkoll li l-Awtorità tax-Xandir tikkomunika mal-Ministeru u mal-Unjoni Ewropea dwar dawn il-liġijiet għax skotd hu ma jħallux triq oħra għajr li stazzjon jingħalaq. Ikkonkluda bi stqarrija li Fliving Channel jipproduċi programmi ta’ kwalità u li biex dan isir irid ikun hemm spiża akbar.

 

Wara li s-Sur Karl Bonaci u l-Kap Eżekuttiv ħallew is-seduta, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża.

 

Il-Bord iħoss li x-xandar seta’ ħa l-passi neċessarji sabiex jevita dan u minkejja li qed isibu ħati ta’ offiża amministrattiva, bl-applikazzjoni ta’ Art. 41(4)(a) qed iwiddbu sabiex josserva ċ-ċanfir tal-Awtorità kif ukoll jaderixxi mal-liġi.  

Il-Bord qiegħed ukoll jidderieġi lill-istazzjon sabiex fil-programm ‘Karl’s podcast’ li jmiss, jaqra dan is-sunt matul il-bullettin tal-aħbarijiet, skond Art. 41(7) ta’ Kap. 350:

 

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-istazzjon Fliving Channel ħati ta’ offiża amministrattiva matul ix-xandir tal-programm ‘Karl’s Podcast’ ta’ nhar it-12 t’Ottubru 2025 li matulu xxandar materjal li ġie meqjus bħala reklamar. L-istazzjon ġie mwiddeb u ordnat jaqra dan is-sunt”

 

 

 

 

Smigħ 9_25 Ilment 6

Ref.: 19/10

2 ta’ Diċembru 2025