Galaxy Radio - Para 3.3 - 12 ta' Gunju 2018




Deċiżjoni dwar Akkuża fil-konfront ta’ Galaxy Radio
rigward it-trasmissjoni tat-12 ta’ Ġunju, 2018


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Galaxy Radio rigward it-trasmissjoni tat-12 ta’ Ġunju, 2018 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 3.3 tal-Att dwar ix-Xandir meta, dan ix-xandir mhuwiex konformi ma’ Paragrafu 3.3 hekk kif indikat fid-dokument tal-liċenzja dwar il-ħtiġijiet li għandu jkun hemm fl-ipprogrammar u t-trasmissjoni. Tali sitwazzjoni kompliet tissussisti minkejja e-mail mibgħuta mill-istazzjon nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju 2018 (wara laqgħa li saret mal-management ta’ radjijiet tal-komunità fit-3 ta’ Mejju 2018 u li fiha l-istazzjon ingħata direzzjoni biex ixandar reklami li jkunu biss mil-lokalità minn fejn jopera r-radju) fejn informa lill-Awtorità li kienu ttieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġi rrettifikat dan in-nuqqas. Mir-rapport li sar aktar riċenti, l-istazzjon baqa’ jippersisti bil-ksur tal-provvedimenti tal-liġi u bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja. Għaldaqstant qed nakkużak bi ksur ta’ Paragrafu 2(a)(ii) tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Emanuel Chircop bħala detentur tal-liċenzja, f’seduta li nżammet fit-8 t’Awwissu, 2018 li minn naħa tiegħu saħaq li sa dakinhar kien għadu ma fehmx x’kienet qed tifhem l-Awtorità bit-terminu ‘lokalita’’. Żied li kien hemm żmien meta t-trażmissjonijiet ta’ radjijiet tal-Komunita’ setgħu ikopru diametru ta’ 2.5 kilometri, u d-detenturi tal-liċenzja kienu ingħataw l-impressjoni li sakemm ir-reklami jkunu jirrigwardaw negozji/servizzi f’din l-arja allura ma kienx hemm problema.

Is-Sur Chircop qal li fil-każ tiegħu teżisti sitwazzjoni anomala fis-sens li l-istudjos għandhom bieb li jagħti fi Triq fil-konfini tal-Hamrun u bieb ieħor aċċessibbli minn Triq li tifforma parti mill-konfini tal-Marsa. Żied li huwa kien diġa ħa passi u waqqaf xi reklami iżda ried direzzjoni dwar sitwazzjoni fejn Aġent tal-proprjeta’ kellu uffiċċju f’lokalita’ iżda kien qed jirreklama proprjeta’ għal bejgħ f’lokalità oħra.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-fatt li qabel dan il-każ l-istazzjon kellu l-opportunità jirretifika n-nuqqasijiet, anzi saħansitra kien informa lill-Awtorità f’dan is-sens u għalhekk u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali ridotta relattiva ta’ €930. Liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.

Illum 3 ta’ Settembru, 2018