Galaxy Radio - Para 3.3 - 5 ta' Lulju 2018




Deċiżjoni dwar Akkuża fil-konfront ta’ Galaxy Radio
rigward it-trasmissjoni tal-5 ta’ Lulju, 2018


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Galaxy Radio rigward it-trasmissjoni tal-5 ta’ Lulju, 2018 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 3.3 tal-Att dwar ix-Xandir meta, dan ix-xandir mhuwiex konformi ma’ Paragrafu 3.3 hekk kif indikat fid-dokument tal-liċenzja dwar il-ħtiġijiet li għandu jkun hemm fl-ipprogrammar u t-trasmissjoni. Tali sitwazzjoni kompliet tissussisti minkejja e-mail mibgħuta lill-istazzjon nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju 2018 (wara laqgħa li saret mal-management ta’ radjijiet tal-komunità fit-3 ta’ Mejju 2018 u li fiha l-istazzjon kien ingħata direzzjoni li jxandar reklami li jkunu biss mil-lokalità minn fejn jopera r-radju) fejn informa lill-Awtorità li kienu ttieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġi rratifikat dan in-nuqqas. Kif jidher minn rapport li sar aktar riċenti, l-istazzjon baqa’ jippersisti bil-ksur tal-provvedimenti tal-liġi u bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja. Għaldaqstant qed nakkużak bi ksur ta’ Paragrafu 2(a)(ii) tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Emanuel Chircop bħala detentur tal-liċenzja, f’seduta li nżammet fit-8 t’Awwissu, 2018 li minn naħa tiegħu saħaq fuq il-punti ġia espressi rigwardanti l-akkuża preċedenti u fl-istess waqt semma numru ta’ sitwazzjonijiet u talab direzzjoni dwarhom.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u għal darb’oħra saħqet dwar l-importanza li l-obbligi fil-liġi u fil-liċenzja jiġu osservati bl-aktar mod sħiħ. F’dan il-każ għar-raġunijiet ġia espressi fil-każ preċedenti u ċioe’ li l-istazzjon kien ingħata l-opportunità jirregola l-pożizzjoni tiegħu, f’dan il-każ ukoll li l-Awtortità ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali ridotta relattiva ta’ €930 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.


Illum 3 ta’ Settembru, 2018