L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront Radju Leħen il-Ġużeppini dwar l-iskeda ta’ programmi tal-istazzjon fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 23 (1) tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon naqas li jissottometti l-iskeda tal-istazzjon.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sinjuri Frank Zammit u Reno Busuttil, f’seduta li nżammet fit-30 t’Ottubru, 2012, li minn naħa tagħhom filwaqt li kkonfermaw li l-istazzjon kien irċieva t-talba għall-iskeda ta’ programmi, ikkontendew li fiż-żmien li kienet saret it-talba kienu qed isiru tibdiliet fil-kumitat tas-Soċjeta’ Mużikali San Ġużepp, u fit-tmexxija tal-istazzjon.
Is-Sur Zammit qal li madanakollu l-istazzjon kien baqa’ jxandar regolarment u l-fatt li issa kienet saret il-ħatra tal-Kumitat il-ġdid u t-tmexxija tal-istazzjon kienet ġiet definita, l-istazzjon kien f’pożizzjoni li jissottometti skeda aġġornata u rejalistika tal-programmi li ser ikun qed ixandar fix-xhur suċċessivi.
Bi tweġiba għal domanda tal-membri, s-Sur Zammit qal li d-direzzjoni tal-istazzjon kienet impenjata sabiex tagħti servizz utli u ta’ livell lill-komunità li għaliha ixxandar u kif ukoll li tara li l-programmi li jixxandru jkollhom laqta jew konnessjoni mar-raħal.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni u ddiskutiet is-sottomissjoni tal-partijiet inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon u għalhekk l-akkuża ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
2 ta’ Novembru, 2012