Magic FM - Carlo's Breakfast Cafe - 15 ta' Lulju 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar reklam li xxandar fil-programm Carlo’s Breakfast Cafe fejn ixxandar reklam ta’ Marion Mizzi Wellbeing, allegatament bi ksur ta’ paragrafu 9.1(c) ta’ Legiżlazzjoni Sussidjarja 350.30 (Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika fuq Programmi li jinvolvu l-Parteċipazzjoni ta’ Ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li japplikaw għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali) peress li ntqal li b’€100 persuna tonqos 6 kili mingħajr ma ngħatat spjegazzjoni xjentifika ta’ kif wieħed jista’ jagħmel dan.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Nicholas Gauci, Junior Manager Sales PBS, is-Sur Arthur Caruana, Sales Executive PBS, u Dr Pio Valletta f’isem Marion Mizzi Wellbeing, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Settembru, 2014.

Wara li l-Awtorità semgħet il-Kap Eżekuttiv, Dr Pio Valletta qal li fil-ġimgħat qabel id-data ta’ meta xxandar dan ir-reklam fuq ir-radju, kienet saret kampanja minn Marion Mizzi Wellbeing fuq TVM dwar kif tista’ tirqaq, u li din il-kampanja kienet issegwi r-regolamenti tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.30 billi tat spjegazzjoni ta’ kif wieħed seta’ jnaqqas mill-piż, u li dan kien qed jgħidu biex juri l-livell ta’ bona fede. Dr Valletta qal ukoll li fir-reklam ssemma li Marion Mizzi Wellbeing kienet qed twiegħed s-sostenn neċessarju biex wieħed verament jirnexxielu jonqos fil-piż. Dr Valletta ammetta li skont il-provvedimenti tal-liġi jekk wieħed jieħu l-każ ta’ dan ir-reklam f’iżolazzjoni, wieħed veru jasal biex iqis li kien hemm ksur, imma il-produzzjoni kellha f’moħħa ġenwinament li r-reklam in kwistjoni iservi bħala reminder ta’ dak li kien ingħad fil-kampanja kollha.

Meta l-Awtorità ġiet biex tiddeċiedi dwar il-kaz in kwistjoni, qablet li ma kienx hemm dubju li l-akkuża ġiet ippruvata, u ddeċidiet li peress li din kienet l-ewwel darba li Magic FM kien instab ħati ta’ tali akkuża, kellha twiddeb l-istazzjon u tinsisti biex fil-futur ma jkunx hemm każi simili ta’ reklamar.

Illum 11 ta’ Settembru, 2014