L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Media.Link Communications Ltd. dwar NET News tas-Sibt 9 ta’ Marzu, 2013 waqt jum il-Votazzjoni tal-Elezzjonijiet Ġenerali, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon naqas li josserva Direttiva maħruġa mill-Awtorità għall-perjodu bejn is-7 ta’ Jannar u d-9 ta’ Marzu, 2013 meta proprju fil-Jum tal-Votazzjoni NET News kien jinkludi servizz dwar dak li kien qed jiġi rrappurtat fil-media internazzjonali dwar l-Elezzjoni Ġenerali f’Malta.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Nathaniel Attard, Kap tal-Aħbarijiet ta’ NET TV u lil Dr Paul Borg Olivier, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. f’laqgħa li nżammet fid-9 t’April, 2013.
Is-Sur Nataniel Attard qal li l-istazzjon ħass li kellu jxandar dak li kienu qed jiġi rappurtat fil-medja barranija b’konnessjoni mal-Elezzjonijiet Ġenerali f’Malta.
Dr Paul Borg Olivier qal li ma kienx minnhu li l-aħbar kienet b’xi mod qiegħda hemm biex tinfluwenza lill-votant. Żied li l-parti tat-test tar-rapport li kienet tirreferi għall-fatt li Dr Joseph Muscat kien bidel il-pożizzjoni oriġinali tiegħu dwar l-Unjoni Ewropeja kien fil-fehma tiegħu pożittiv.
Dr Borg Olivier ikkontenda li l-ħsieb wara l-aħbar kien li jintwera kif siti internazzjonali kienu qed jirrappurtaw l-Elezzjoni, kemm din kienet ġibdet interess u kemm kienet qed tingħata importanza u mhux li tinfluwenza l-elettorat.
F’dan l-istadju l-Kap Eżekuttiv qara l-provedimenti relattivi tad-Direttiva speċifikament klawsuli 5(6)(iv) u (v) li jaqraw:
"(iv) L-istazzjonijiet ma jistgħux ixandru jew jirreplikaw aħbarijiet/stqarrijiet li jkunu qed jidhru fuq siti elettroniċi li fin-natura tagħhom jitqiesu li jiksru l-provedimenti marbuta mal-ġranet tas-silenzju.
v) L-istazzjonijiet ma jistgħu jwasslu l-ebda messaġġ li jista’ jwassal biex jinfluwenzaw il-votant."
Barra minn hekk m’għandhomx lanqas iħeġġu lin-nies biex imorru jivvutaw jew biex ma jmorrux jivvutaw.
F’dan l-istadju, ir-rapprezentanti tal-istazzjon irtiraw mis-seduta u l-Kap Eżekuttiv eżenta ruħu mill-parteċipazzjoni fid-diskussjoni dwar dan il-każ.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat id-Direttiva qablet li ma kienx hemm dubju li d-direttiva, li ma jiġux imxandra jew replikati aħbarijiet/stqarrijiet li jkunu qed jidhru fuq siti elettroniċi li fin-natura tagħhom jitqiesu li jiksru l-provedimenti marbuta mal-ġranet tas-silenzju, kienet ġiet miksura. Il-ħin li fiħ ġiet trasmessa din l-aħbar kien wieħed sensittiv f’kull elezzjoni u l-Awtorità dejjem tagħti attenzjoni speċjali għal dak li jiġi mxandar speċjalment f’dawk il-ħinijiet tal-jum tal-votazzjoni.
Għaldaqstant, l-Awtorità sabet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ erbat elef sitt mija u sittin Ewro (€4,660), madanakollu, stante li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur, b’konformità ma’ deċizjonijiet simili waqt elezzjonijiet preċedenti, l-Awtorità ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni tagħha għal perjodu ta’ tletin xahar.
Illum 15 t’April, 2013