NET - Elezzjoni Ġenerali 2026 - 30 ta' Mejju 2026




Deċiżjoni għal akkuża fil-konfront ta' Media.Link Communications Ltd rigward il-programm Elezzjoni Ġenerali 2026 li xxandar fit-30 ta’ Mejju 2026

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu akkuża maħruġa mill-Awtorità kontra l-istazzjon NET nhar it-30 ta’ Mejju 2026. 

Il-Bord organizza smigħ għal nhar it-23 ta’ Lulju 2026 li għalih attenda Dr Michael Piccinino bħala l-editur ta’ Media.Link Communications. L-Awtorità kienet rappreżentata mill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri.

Il-Kap Eżekuttiv qalet li fit-30 ta’ Mejju 2026, jum il-votazzjoni, ixxandar programm li nħass li kiser id-Direttiva, sezzjoni 6, peress li ttieħed kumment ta’ Dr Alex Borg meta kien għadu kemm ħareġ mill-post tal-votazzjoni u dan meta d-direttiva strettament tipprekludi dan. Kompliet li l-intervista ta’ Dr Alex Borg kisret id-Direttiva u l-kummenti ta’ Dr Alex Borġ ixxandru għaxar darbiet waqt din it-trasmissjoni tal-programm.

Dr Michael Piccinino kkonferma x-xandira u li s-CEO korretta meta tgħid li din ixxandret diversi drabi. Qal li meta xxandar il-kumment ta' Dr Alex Borg u uża l-frazi "nifs gdid" dan ġara matul ix-xandira diretta biss u fil-kumplament din ġiet editjata meta xxandru s-silta mill-intervista.

Il-Kap Eżekuttiv qalet li l-fatt li ġie imxandar il-kumment huwa ksur tad-Direttiva.

Dr Michael Piccinino qal li l-opnjoni tal-Kap ta’ Oppożizzjoni hija wkoll news worthy u li meta tikkunsidra x’ġie mxandar fuq ONE, wieħed jikkonkludi li stazzjon jinnewtralizza lill-ieħor.

Wara li l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża.

Il-Bord ikkunsidra s-sottomissjonijiet u ma kellux dubju li mill-qari tal-istess test, jirriżulta ksur tad-Direttiva. Għalhekk il-Bord qed isib lill-istazzjon ħati ta’ ksur tad-Direttiva u filwaqt li qed iwiddeb lill-istazzjon, qed jordna l-qari ta’ dan is-sunt sa jumejn mid-deċiżjoni matul l-ewwel 3 items tal-bulettin ewlieni tal-aħbarijiet. Stante li l-istess stazzjon qed jinstab ħati dwar it-tieni ksur tad-Direttiva, liema deċiżjoni qed tinħareġ ukoll fl-istess data u ġġib referenza ‘Smigħ 6_26 Akkuża 7’, ukoll matul il-perjodu tal-kampanja elettorali 2026, qed jikkombina s-sunt kif ġej:

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-istazzjon NET ħati ta’ żewġ akkużi, waħda dwar xandira tat-30 ta’ Mejju 2026, u l-oħra dwar nuqqas ieħor rigward bilanċ politiku matul il-perjodu tal-kampanja elettorali, fejn irriżulta li kien hemm ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità. Il-Bord widdeb bil-miktub lill-istazzjon NET tan-nuqqas ta’ osservanza għall-istess Direttiva u ordnalu wkoll jaqra dan l-istess sunt”

 

Smigħ 6_26 Ilment 5

Ref: 64/01

27 ta’ Lulju 2026