Deċiżjoni għal ilment imressaq mis-Sur Ġużi Pisani vs Media Link Communications rigward serje ta’ programmi Bonġu Net fuq NET FM bejn il-11 u t-23 ta’ Settembru 2024
L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha lment imressaq mis-Sur Ġużi Pisani f’ismu u f’isem l-Għaqda tal-Kristofri, tali lment tressaq quddiemha dwar il-programm “Bonġu NET” li allegatament jikser id-Drittijiet tal-Bniedem. L-ilment kien dwar programmi bejn il-11 u t-23 ta’ Settembru 2024 u mxandar fuq NET FM.
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir skeda s-smigħ għal nhar il-5 ta’ Diċembru 2024 fejn preżenti għal dan is-smigħ deher is-Sur Ġużi Pisani bħala l-lanjant nomine kif ukoll Dr Michael Piccinino għax-xandar.
Il-Bord spjega lis-Sur Ġużi Pisani l-proċedura tas-smigħ.
Is-Sur Ġużi Pisani spjega li hu qiegħed jidher f’ismu u f’isem l-għaqda tal-Kristofri. Qal li fil-programm ilmentat tan-NET FM kien hemm preżentaturi varji u semma wħud minnhom. Qal li l-funzjoni tal-Għaqda San Kristofri hija li jwasslu lil Kristu sabiex idaħħlu valuri Nsara. Għalhekk qal li jsir użu mil-libertà tal-kelma, tali dritt jeżisti f’pajjiż demokratiku u li dan isir fuq radjijiet tal-lokal u saħansitra dawk nazzjonali. Qal li sa issa qatt ma kien hemm problemi b’dan u li l-kummenti tagħhom li jgħaddu waqt il-programm huma qosra ta’ madwar minuta jew minuta u nofs. Qal li l-preżentatur, is-Sur Indri Attard, huwa wieħed mill-aħjar preżentaturi għax għaraf li jmur tajjeb ma’ kull tip ta’ persuna. Iżda l-ilment huwa għall-fatt li s-Sur Attard kien assertiv wisq fejn hu spjega li meta jkun hemm assertività żejda, din issir arroganza. Qal li meta kien qed ikellem lis-Sur Indri Attard waqt intervent minnhom, dan infurmah li qiegħed off-air. Allega wkoll li qallu li l-programm tiegħu irid jogħġob lis-semmiegħa u għalhekk wissa lis-Sur Ġużi Pisani li għandu jnaqqas mill-frekwenza tal-inteventi tiegħu. Is-Sur Ġużi Pisani kkonferma li dan intqal off-air.
Skont is-Sur Ġużi Pisani din hija aberrazzjoni kbira l-għaliex bħala ċittadin għandu dritt jesprimi l-fehma tiegħu. Kompla b’eżempju ta’ preżentatur ieħor li meta semmiegħ intervjena u xandar opinjoni kontra r-reliġjon, dan wieġeb li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni. Is-Sur Ġuzi Pisani ried jippreżenta reġistrazzjoni tat-telefonata li ħa meta kienet qed issir din it-telefonata off-air.
Il-Bord staqsa lil Dr Michael Piccinino jekk għandux raġun joġġezzjoni għal din ir-reġistrazzjoni. Dr Michael Piccinino qal li r-reġistrazzjoni hija llegali iżda li ma kellux oġġezzjonijiet. Madankollu l-Bord ma aċċettax din ir-reġistrazzjoni.
Is-Sur Ġużi Pisani semma wkoll diversi avvenimenti fejn semmiegħa taw opinjonijiet tagħhom matul programmi fuq ir-radju. Mistoqsi mill-Bord dwar ir-rimedju li qed jitlob, hu qal li x-xandar għandu jiġi mwissi li ma għandux jinterrompi n-nies milli jitkellmu.
Dr Michael Piccinino aċċerta li kif qal il-lanjant stess, ma kien hemm ebda problemi bejn il-partijiet, ċioè l-Partit Nazzjonalista u s-Sur Pisani jew l-Għaqda Kristofri. Dr Michael Piccinino kompla li jekk intqal li s-Sur Indri Attard huwa arroganti, l-arroganza mhix illegali. Spjega wkoll li bħalma editur ta’ gazzetta jiddeċiedi hu x’jiġi ppubblikat, l-istess kunċett jeżisti għar-radju u f’dak il-ħin il-preżentatur ikun bħal donnu l-editur.
Mistoqsi mill-Bord dwar jekk ingħatax ċans ixandar l-opinjoni tiegħu f’istanzi oħra, s-Sur Ġuzi Pisani wieġeb fil-pożittiv u kkonferma li l-ebda opinjoni ma kienet qed twieġeb xi ħaġa li ntqalet dwar l-għaqda San Kristofru. Dr Michael Piccinino qal s-Sur Pisani saħansitra jingħata spazju fuq programmi oħra u dan jikkonferma li mhux jiġi ċensurat.
Mistoqsi dwar x’jixtieq is-Sur Ġużi Pisani qal li jixtieq jasal għal kompromess filwaqt li Dr Michael Piccinino qal li l-istazzjon mhux se jwaqqfu milli jagħmel interventi.
Is-Sur Ġużi Pisani ssuġġerixxa li l-Għaqda jkollha 4 minuti kuljum. Dr Michael Piccinino semma diversi programmi ta’ temi reliġjużi u qal li ċertament mhux tiġi ċċensurata r-reliġjon.
Wara li l-Bord iddiskuta l-argumenti mressqa, innota li l-lanjanza allegata ma kenitx dwar kontenut imxandar u li l-preżentatur kellu kull dritt jissuġġerixxi lil min jintervjeni sabiex inaqqas mill-frekwenza ta’ interventi. Innota wkoll li l-istazzjon jagħtih ukoll spazji fi programmi oħra sabiex ixandar l-opinjoni tiegħu u tal-Għaqda u għal dawn ir-raġunijiet ma kienx hemm lok ta’ xi forma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem kif allegat. Għal din ir-raġuni mhux jilqa’ l-ilment tas-Sur Ġużi Pisani.
Smigħ 17_24
Ref.: 45/24
7 ta’ Diċembru 2024