L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm Benniena li xxandar fil-5 ta’ Marzu, 2016 fuq NET HD, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir kif ukoll ksur tal-Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt il-programm il-preżentatriċi Christine Haber, flimkien mal-mistiedna tagħha Phyllis, ippreżentaw rokna informattiva fejn tkellmu dwar x’wieħed għandu jpoġġi fil-basket għall-isptar bi preparazzjoni għat-twelid ta’ wliedu. Ir-rokna ttellgħet minn ġewwa dak li deher bħala ħanut u f’diversi inkwadraturi deher b’mod evidenti l-logo ta’ Mothercare. Waqt din l-edizzjoni, kien innutat ukoll li r-reklam li xxandar eżatt qabel din ir-rokna kien reklam ta’ Mothercare. Barra minn hekk, fi tmiem il-programm, il-preżentattriċi Christine Haber wasslet il-kummenti konklussivi tagħha minn biswit il-Mediterraneo Marine Park u għalhekk il-logo tal-park deher b’mod evidenti għal diversi sekondi.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Josef Fitzpatrick li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-6 ta’ Settembru, 2016. Minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża, ikkontenda li dan in-nuqqas kien riżultat ta’ misunderstanding bejn il-preżentatriċi u l-produttur. Żied li dan kien servizz informattiv mingħajr l-ebda introjtu għall-istazzjon u l-istazzjon kien ħa l-miżuri neċessarji biex tali nuqqas ma jirrepetix ruħu.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon u qablet li din l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur, minħabba t-trapass taż-żmien u l-fatt li din kienet l-ewwel okkażjoni għall-Bord il-ġdid li jisma’ u jikkonsidra ilmenti, iddeċidiet li twiddeb lill-istess biex ma jirrepetix tali nuqqas.
In oltre l-Awtorità saħqet fuq il-fatt li fil-futur kienet sejra tkun aktar viġilanti u esiġenti mal-istazzjonjiet sabiex ir-regolamenti eżistenti jkunu segwiti bl-aktar mod ampju u rigoruż.
Illum it-22 ta’ Settembru, 2016