NET HD - Distinti - 5 u t-22 ta’ Frar, 2016




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-edizzjonijiet tal-programm Distinti li xxandru fil-15 u t-22 ta’ Frar, 2016 fuq NET HD, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir, dwar reklamar b’ingann, u peress li tali programmi kellhom ripetizzjoni il-Ħadd f’nofsinhar, kien allegat ksur ukoll ta’ Artiklu 16M(4)(c) meta tqegħid ta’ prodott b’kontenut alkoholiku bejn is-6.00a.m u d-9.00p.m.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Josef Fitzpatrick li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lil Jean Paul Micallef produttur tal-programm, f’seduta li nżammet fis-6 ta’ Settembru, 2016.

Minn naħa tiegħu is-Sur Jean Paul Micallef filwaqt li ammetta l-akkuża qal li f’dan il-każ l-intenzjoni ma kienitx li jsir reklam iżda li jingħata rikonoxximent lil mistieden. Żied li f’dan il-każ partikolari l-ismijiet li ssemmew ma kienux ta’ prodotti iżda ta’ distillaturi/produtturi u għalhekk f’dan il-kuntest u ċioe fejn isem il-prodott ikun intrinsikament marbut mal-produttur, il-linja ta’ demarkazzjoni ma’ kienitx daqstant ċara.

Is-Sur Micallef qal li f’dan il-qasam kien jeħtieġ li jkun hemm aktar edukazzjoni fuq l-aspett kulturali marbut mal-produzzjoni tal-whiskey u l-pubbliku jkun iggwidat u infurmat aħjar biex jikkonsma dan it-tip ta’ xorb bil-għaqal u l-moderazzjoni.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon u qablet li din l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur, minħabba t-trapass taż-żmien u l-fatt li din kienet l-ewwel okkażjoni għall-Bord il-ġdid li jisma’ u jikkonsidra ilmenti, iddeċidiet li twiddeb lill-istess biex ma jirrepetix tali nuqqas.

In oltre l-Awtorità saħqet partikolarment fuq l-importanza li l-istazzjonjiet jirrispettaw b’mod aktar rigoruż ir-regolamenti dwar reklamar ta’ prodotti alkoħoliċi. Żiedet li sejra tkun aktar viġilanti u esiġenti mal-istazzjonjiet sabiex ir-regolamenti eżistenti partikolarment fuq exposure ta’ alkoħol matul il-ħinijiet tal-ġurnata jkunu segwiti bl-aktar mod ampju.

Dwar il-punti rilevati mill-preżentatur, l-Awtorità qablet li l-interpretazzjoni tal-provvedimenti tal-liġi kellha tkun aktar ċara u definita partikolarment fir-rigward tal-użu tal-brand name u l-użu ta’ isem id-distillatur/produttur.


Illum it-22 ta’ Settembru, 2016