Net TV - Net News - 15 u 17 t'Ottubru 2011




Ilment minn Dr Mario Scerri għan-nom tas-Sur Philip Vella, Sindku ta’ Sannat, Għawdex

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Avukat Mario Scerri f’isem is-Sur Philip Vella, Sindku ta’ Sannat, Għawdex dwar dritt ta’ risposta li kien intalab mill-istess Sindku b’konnessjoni ma’ aħbar imxandra f’Net News tal-15 ta’ Ottubru, 2011 li kienet tirreferi għal xogħol li allegatament kien twettaq minn ħaddiema tal-Kunsill Lokali fi propjeta privata.

L-Awtorità semgħet lill-Avukat Mario Scerri li kien qiegħed jidher għan-nom u fl-interess tas-Sur Vella li kien ukoll preżenti, u lis-Sur Nathaniel Attard li deher għall-istazzjon.

L-Avukat Scerri, filwaqt li ta dettalji u spjega l-kuntest li fih kien qiegħed isir dan l-ilment, qal li minflok ma’ nqrat l-aħbar testwalment, l-editur ta interpretazzjoni tiegħu personali għal dak li ġie miktub fit-tweġiba, u dan billi fl-edizzjoni tal-aħbarijiet ta’ Net News tat-Tnejn 17 ta’ Ottubru 2011 ġie rappurtat li s-Sindku waħħal fis-Segretarju Eżekuttiv għall-abbuż li seħħ.

L-Avukat Scerri saħaq li b’dan il-mod l-effett u r-rimedju tal-istess dritt għar-risposta kienu mitigati. Żied li permezz tal-kummenti tal-istazzjon ingħatat l-impressjoni li l-allegat abbuż kien fil-fatt seħħ u li s-sindku kien qiegħed iwaħħal fis-Segretarju Eżekuttiv meta dan ma kienx il-każ, u meta dan kien miċħud b’mod kategoriku fl-istess risposta.

Minn naħa tiegħu s-Sur Nathaniel Attard ikkonferma li huwa ttratta l-ittra tal-Avukat Scerri li ntbaghtet għan-nom tas-Sur Vella bħala talba formali għal dritt ta’ risposta. Huwa qal li in vista tal-iżvolġiment tal-istorja u l-interpretazzjoni tal-fatti mill-istazzjon, kien ħass li l-inklużjoni tal-kummenti indikati kienet ġustifikata u leġittima. Żied li kien taħt l-impressjoni li ai termini tal-liġi tax-xandir, sakemm ir-risposta tinqara fl-intier tagħha (kif fil-fatt sar f’dan il-każ), l-istazzjon setgħa jxandar kummenti editorjali f’nofs l-istess risposta.

L-Awtorità ikkunsidrat dan l-ilment ai termini ta’ Artiklu 34 tal-Att dwar ix-Xandir u ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u kif ukoll tal-provvedimenti relattivi. In vista tal-fatt li l-mod ta’ kif ixxandar id-dritt ta’ risposta ma kienx jikkonforma mal-provvedimenti fil-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li kienu jirregolaw il-Bulettini tal-Aħbarijiet u programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti, speċifikament dawk li jobbligaw lix-xandâr jaqra r-risposta kif sottomessa u li dan ma kellu jagħmel l-ebda kumment fit-test attwali tal-istess risposta, iddeċidiet li l-ilment kien ġustifikat, madanakollu, l-Awtorità dehrilha li f’dan il-każ ma kellhiex tagħti rimedju.

13 ta’ Jannar, 2012