NET - Programmi ta' ġrajjiet kurrenti




Deċiżjoni għall-ilment imressaq minn Imperium Europa kontra NET rigward nuqqas ta’ stediniet fil-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti

 

Permezz ta’ email datata 12 t’ April 2024, is-Segretarju Ġenerali ta’ Imperium Europa (IE) stqarr li kien qiegħed jilmenta uffiċjalment li fuq l-istazzjonijiet NET TV u Net FM. Hu qal li l-partit Imperium Europa “tħalla barra minn kwalunkwe aħbar”, anki dwar stqarrijiet uffiċjali tal-partit u dwar il-veduti li l-partit iħaddan fuq “temi speċifiċi”. Żied li l-ġurnalisti ta’ kamra tal-aħbarijiet professjonali huma “dovuti” li jinkludu dan it-tip ta’ rappurtaġġ.  Is-Sur Vella kompla jikteb li barra minn hekk, l-esponenti ta’ Imperium Europa qatt ma kienu mistiedna jipparteċipaw fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti sabiex jgħaddu fehmiethom “għall-fini tal-imparzjalità dovuta”. Sostna li “dan in-nuqqas ilu għaddej snin twal u b’mod sistematiku”. Is-Sur Vella temm jistaqsi x’rimedju se joffri l-istazzjon għal dan in-nuqqas “kontinwat li jmur kontra l-istess kundizzjonijiet tal-liċenzja li taħtu jopera”.

L-Awtorità ma rċeviet ebda tweġiba mix-xandar, bil-partit Imperium Europa jistaqsi għas-smigħ.

Is-smigħ ġie oriġinarjament skedat għat-18 t’April 2024 tali data l-lanjant ma setax jattendi. Għaldaqstant is-smigħ ġie skedat għad-29 t’April 2024 li għalih dehru s-Sur Charles Sammut, teżorier tal-partit Imperium Europa, assistit mill-Avukat Emmy Bezzina. Għal NET dehru s-Sur Karl Gouder, Editur, assistit minn Dr Michael Piccinino.

Dr Peter Fenech irrepeta ntervent għan-nom tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, tali ntervent kien diġà mogħti minnu fl-ilment preċedenti. Qal li l-fehma ta’ kull partit, darba kultant, trid tissemma. Kompla li minkejja li stazzjon ta’ partit huwa mħallas mis-segwaċi tiegħu, il-liġi titlob bħala parti mil-liċenzja, li jingħata spazju lil ħaddieħor.

Is-Sur Charles Sammut qal li fl-aħħar 5 snin in-NET qatt ma stieden lil xi ħadd mill-partit biex jgħaddi kummenti, jipparteċipa jew ixandar stqarrijiet tiegħu. Qal li l-PN suppost jaf aħjar għax huma għamlu diversi lmenti fuq dawn it-temi fosthom 22 ta’ Frar 2024 u l-14 ta’ Marzu 2024 meta l-Awtorità sabet nuqqas ta’ bilanċ fuq l-aħbarijiet.

Dr Emmy Bezzina qal li mil-lat legali, hemm il-prinċipju bażiku tal-audi alteram partem (smigħ xieraq) li, kif qal Dr Peter Fenech, il-fehma tal-partit Imperium Europa għandha tiġi mxandra u mfissra lis-segwaċi ta’ NET ukoll. Qal li tkun skorretta l-verżjoni li l-istazzjon huwa politiku u allura jxandar bi dritt dawk il-fehmiet li jaqbel lilu. Qal li NET huwa parti minn soċjetà demokratika li trid tibbaża fuq liġi suprema, cioè l-Kostituzzjoni li tagħti partit id-dritt għall-fehma tiegħu. Semma li l-liġijiet imsawwra miż-żewġ partiti u li jinkludu dik tax-xandir, imorru kontra l-istess Kostituzzjoni. Kompla li l-partiti ż-żgħar, fosthom Imperium Europa mmexxi mis-Sur Norman Lowell u n-nies li għandu miegħu fil-Kunsill, mhux qed jitħallew iwasslu l-ħsibijiet tagħhom u dan anke meta preżentaturi jiddeċiedu minn jeddhom li ma jistednux ċertu personalitajiet magħrufa fuq il-programmi tagħhom. Qal li hu qed jiffoka fuq il-Partit Nazzjonalista u jesiġi li fuq l-istazzjon tiegħu il-partit Imperium Europa għandu jingħata rimedju li jkun tanġibbli rrispettivament mill-kampanja elettorali.

Dr Michael Piccinino qal li l-ilment huwa kontra NET u mhux kontra l-Partit Nazzjonalista. Qal li NET TV jimxi fuq linji editorjali oħra u linji separati mill-Partit Nazzjonalista. Kompla li żgur li fl-ilment tiegħu, il-partit Imperium Europa ma semmiex każ partikolari li qed jiġi allegat żbilanċjat fuqu.

Dr Emmy Bezzina rrefera għall-maxim legali Quod non est in actis non est in mundu u allura li l-kwistjoni ta’ NET hija ċara u li bl-azzjoni tiegħu qed tiġi taffetwa s-soċjetà Maltija. Qal li jekk tittieħed jew saret xi ħaġa fejn issemma xi ħadd, l-istazzjon dovut jitratta t-tema. Semma wkoll l-eżempju tal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni li riedet li kulħadd, anke l-lemin estrem, jiġi nkluż fix-xandiriet. Għalhekk bl-istess mod NET għandu bżonn ukoll jagħti spazju, ħin u faċilità lil kulħadd inkluż Imperium Europa, sabiex iwassal il-fehma tiegħu.

Dr Michael Piccinino rribatta billi qal li meta ma jkunx hemm valur t’aħbar ma hemmx obbligu ta’ xandir.

Is-Sur Charles Sammut qal li mhux fl-aħbarijiet biss iżda anke fi programmi ta’ diskussjoni u ġrajjiet kurrenti jrid ikun hemm veduti bilanċjati tal-partiti differenti.

Dr Peter Fenech spjega li l-messaġġ hu ċar li l-partit irid jinstema’. Għalhekk wissa’ lil NET TV li fuq bażi ta’ kull ġimgħa l-Bord tal-Awtorità tax-Xandir se jkun iebes matul il-kampanja.

Meta l-partijiet telqu mis-seduta, l-Bord għadda sabiex jiddiskuti dan l-ilment.

Il-Bord ħass li dawn l-ilmenti tressqu fi żmien strateġiku u cioè mal-perjodu tal-elezzjoni meta allura tkun bdiet il-kampanja elettorali tal-membri tal-parlament Ewropew. Irrefera wkoll għad-direttiva tal-Awtorità tax-Xandir u avża li mhux biss se jkun hemm monitoraġġ intensiv, iżda wkoll konsegwenzi għal kull xandar li jonqos mill-osservanza. Madankollu, rigward dan l-ilment partikolari, l-Bord irrefera wkoll għall-elementi fakultattivi li jgawdu l-partiti l-kbar u sab li dawn ma jibqgħux japplikaw matul iż-żmien tad-direttiva. Għal dawn ir-raġunjiet il-Bord mhux jilqa’ dan l-ilment.

 

 

 

2 ta’ Mejju 2024

Smigħ 05/2024 Numru 5

Ref: 27/24