L-Awtorità kellha quddiema akkuża li l-programmi Malta Llejla tas-7, 11 u 19 ta’ Mejju, 2009 u La Qomna Qomna tat-18, 19 u 20 ta’ Mejju, 2009 kienu kisru d-direttiva dwar Programmi u Reklami mxandra matul il-perijodu 4 ta’ Mejju sas-6 ta’ Gunju 2009 meta l-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Vince Farrugia u Alan Deidun rispettivament kienu pparteċipaw għat-tielet darba fl-istess programm.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll ir-rappreżentanti tal-istazzjon u ċjoe l-Avukat Paul Borg Olivier, Chairman ta’ Medialink Communications u Ms Louiselle Vassallo, Media Manager ta’ NET TV.
Minn naħa tiegħu l-Avukat Borg Olivier ikkontenda illi r-restrizzjoni li kienet qed tippreżenta d-direttiva kienet konnessa man-numru ta’ apparenzi tal-kandidati, u żied illi d-dispożizzjonijiet fid-direttiva kienu jippreżentaw inkonsistenza u dan għaliex dawn ma kienux jagħmlu distinzjoni bejn parteċipazzjoni ta’ 30 sekonda u oħra ta’ 3 siegħat.
Meta rrefera għall-programmi sotto akkuża l-Avukat Borg Olivier tenna illi kemm il-programm Malta Llejla u kif ukoll fil-programm La Qomna Qomna l-parteċipazzjoni tal-kandidati rispettivi ma kienitx waħda propogandistika iżda permezz tal-interventi tagħhom il-kandidati taw informazzjoni ġurnalistika u ta’ interess ġenerali. Żied illi kien il-ħsieb tal-istazzjon li jikkonforma mal-provvedimenti tad-direttiva partikolarment Artikolu 4 meta stieden membri ta’ partiti oħra jipparteċipaw fil-programmi ta’ diskussjoni.
L-Avukat Borg Olivier qal illi kemm il-Partit Laburista u kif ukoll il-kandidati tiegħu irrifjutaw l-istediniet kollha u dan wara l-parteċipazzjoni tal-Professur Edward Scicluna.
Wara diskussjoni l-Awtorità ma qablitx mas-sottomissjoni tal-Avukat Borg Olivier li l-interventi tal-kandidati ma kienux propogandistiċi. L-Awtorità ikkostatat:
- illi l-istazzjonijiet kienu diġà ġew imwiddba bil-miktub mill-Kap Eżekuttiv sabiex ma jiksrux id-dispożizzjoni tad-direttiva u b’mod partikolari Artikolu 3(3)(iii);
- stante din it-twiddiba l-istazzjon kien kiser din id-dispożizzjoni mhux darba iżda ripetutament;
- illi fil-fatt il-parteċipazzjoni tal-kandidati in kwistjoni fil-programm imsemmija kienet manifestament ta’ natura politikament partiġġjana;
- illi l-istazzjon minbarra l-programmi skedati kien alloka ħin ampju lill-kandidati prospettivi tiegħu biex dawn jippromwovu l-kandidatura tagħhom.
Għaldaqstant l-Awtorità ikkonkludiet illi l-akkuża ġiet ippruvata u ma setgħatx taċċetta li waqt kampanja elettorali tiġi prattikament injorata direttiva tal-Awtorità maħruġa speċifikament biex tirregola l-kontenut fuq il-mezzi tax-xandir waqt il-kampanja elettorali u għalhekk imponiet penali fl-ammont ta’ erbat elef mija u tnejn, u disgħin Ewro (€4,192), liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din l-ittra.