Net TV - Aħbarijiet - 1 u 2 ta' Jannar 2021




Deċiżjoni dwar ilment imressaq mis-Sur Christian Peregin, lovinMalta kontra medialink communications rigward l-aħbarijiet tal-1 u t-2 ta’ Jannar 2021.

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq mis-Sur Christian Peregin għal lovinmalta fil-konfront ta’ medialink rigward l-aħbarijiet ta’ NET TV li xxandru fl-1 u fit-2 ta’ Jannar 2021. L-ilment tratta r-rapurtaġġ tal-maratona li saret fid-Dar tal-Providenza u d-donazzjoni li ingħatat waqt din il-maratona minn Dr Adrian Delia.

 

L-Awtorità semgħet lis-Sur Christian Peregin li ressaq l-ilment u għall-medialink dehru Dr Francis Zammit Dimech, Dr Karol Aquilina u lis-Sur Karl Gouder, Chief Operating Officer tal-medialink. Dawn attendew għas-seduta b’mod virtwali li inżammet fit-28 ta’ Jannar 2021.

 

Is-Sur Peregin ilmenta li Net News naqas mill-obbligi kostituzzjonali li jwassal l-aħbarijiet b’mod imparzjali minħabba li minkejja li kien hemm rapurtaġġ dwar  il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi għad-Dar tal-Providenza, Net news naqas milli jirraporta li parti sostanzjali mid-donazzjoni li saret mill-Membru Parlamentari Dr Adrian Delia. Net News ma rraportax din l-għotja kbira kemm fil-bulettin tal-1 ta’ Jannar u kif ukoll tal-għada 2 ta’ Jannar meta reġa’ kien hemm rapurtaġġ ta’ din il-maratona.

 

Fil-bidu tas-seduta, Dr Francis Zammit Dimech għamel xi osservazzjonijiet dwar dan  l-ilment. Dr Zammit Dimech talab lill-Awtorità tax-Xandir tistabilixxi jekk din it-talba tal-ilment li saret hijiex qed issir mill-persuna li teoretikament seta’ jagħmel l-ilment minħabba li mhux milqut direttament minnha.  Qal li għalhekk l-Awtorità tax-Xandir trid tara jekk dan l-ilment għandux jiġi kkunsidrat. Huwa osserva wkoll li min ilmenta messu mexa bil-proċedura hekk kif indikat fil-Kodiċi tal-Ilmenti u qal li s-Sur Christian Peregin kellu jikteb lill-istazzjon u wara jgħaddi għand l-Awtorità tax-Xandir jekk iħoss li l-ilment ma kienx intlaqa’ mill-istazzjon.

 

Dr Zammit Dimech qal li din l-aħbar ma kinitx ta’ kontroversja politika jew policy kurrenti u qal li skont Artiklu 13 tal-Att dwar ix-Xandir l-imparzjalità hija differenti bejn stazzjon pubbliku u mhux stazzjonijiet privati. Qal li fir-rigward ta’ stazzjonijiet l-Awtorità għandha d-dritt li tara l-output tal-istazzjonijiet kollha flimkien jekk humiex qed isegwu l-imparzjalità b’mod sħiħ bejniethom. Dr Zammit Dimech fakkar ukoll li f’dan il-każ partikolari, Net TV kien qed ixandar dirett din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi iżda kien hemm mumenti fejn din ix-xandira kellha tinqata’ minħabba obbligi oħra li riedu jiġu inklużi fit-trasmissjoni.

 

Is-Sur Christian Peregin qal li Net TV għandu l-obbligu lejn il-pubbliku u għalhekk ħass li qed jagħmel dan l-ilment bħala ċittadin li kellu jkun infurmat b’dak li ġara f’din il-maratona, anke minħabba li dan il-każ kien issue ta’ kontroversja politika u fil-fatt l-għotja ta’ din id-donazzjoni kienet fuq il-faċċata ta’ kull gazzetta u diskuss fuq il-media soċjali. Qal ukoll li x-xandira diretta tal-maratona inqatgħet meta Dr Adrian Delia kien qed jippreżenta c-cheque waqt il-maratona. In rappeżentanza ta’ medialink, Dr Karol Aqulina qal li minħabba li l-preżentazzjoni ta’ din l-għotja saret waqt prime time u l-ħin ma kienx avżat, NET TV ma kellux kontroll fuq it-trasmissjoni diretta. Qal li fil-bulettin tal-għada 2 ta’ Jannar, il-linja editorjali kienet li l-bulettin kellu jirraporta s-somma rekord li inġabret mingħajr ma jagħti dettalji tal-entitatjiet li kkontribwixxew.

 

Is-Sur Peregin wieġeb ukoll li Dr Zammit Dimech ma kienx korrett meta qal li ma mxewx mal-proċeduri għaliex qal li huwa bagħat l-ilment lill-medialink u kkopja lill-Awtorità tax-Xandir skont il-proċeduri. Qal li huma bagħtu l-ilment tagħhom fuq l-indirizz tal-medialink li jidher fuq il-website u fuq il-facebook page. Qal li madanakollu, il-medialink ma weġbux dan l-ilment u għalhekk ressaqha għas-smigħ quddiem l-Awtorità tax-Xandir. Is-Sur Pergin qal li ħass ukoll li huwa kellu d-dritt li jilmenta bħala ċittadin minħabba li Net News naqas mill-obbligi kostituzzjonali tiegħu.

 

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet u rat id-dokumenti relattivi u trattat dan l-ilment.  Rigward il-korrezzjoni mressqa mill-medialink dwar jekk l-ilment setax jitressaq minn persuna estrana għall-kwistjoni, ir-regolamenti applikabbli huma ċari fis-sens li kull persuna interessata tista’ tressaq ilment quddiem l-Awtorità.

 

Rigward il-proċedura li lovinmalta messha l-ewwel talbet risposta mingħand l-istazzjon, jidher li fl-4 ta’ Jannar lovinmalta kienet bagħtet il-lanjanza tagħha lill-medialink fuq l-email tal-media link, liema email baqgħet mhux imwieġba u konsegwentament abbazi ta’ Paragrafu 7 (2) (b) tal-Kodiċi għall-Investigazzjoni tal-Ilment, lovinmalta talbet li jiġi appuntat is-smigħ għall-ilment.

 

F’dan ir-rigward l-Awtorità tinnota li l-proċedura maħsuba fil-ligi, ossia li l-istazzjon jkollu l-opportunità jwieġeb għall-ilment, qegħda hemm propju biex il-partijiet jippruvaw jirrimedjaw qabel jersqu għal smigħ quddiem l-Awtorità. Ghalkemm l-Awtorità tinnota li fl-aħħar tal-istess email lovinmalta indirizzat biss lill-Awtorità kien ikun iktar ideali li kieku l-medialink ġaladarba kienet ikkuppjata f’dik il-korrispondenza u kellha f’idha d-dettalji tal-ilment wieġbet hi għall-istess lanjanzi qabel sar is-smigħ li wassal għal din id-deċiżjoni.

 

Dwar is-sustanza tal-ilment l-Awtorità ħadet nota tal-partijiet, rat id-dokumentazzjoni relattiva u semgħet it-trattazzjoni taż-żewġ partijiet. L-Awtorità qablet li l-ilment m’għandux jiġi milqugħ. Dwar dan l-ilment l-Awtorità ma tqisx li tirriżulta imparzjalità ai termini tal-liġi u konsegwentament qed tiċħad l-ilment kwantu mhux sodisfaċjentament mhux ippruvat.  

 

24 ta’ Frar 2021