Deċiżjoni dwar Akkuża fil-konfront ta’ NET TV Rigward ksur ta’ Artiklu 15 tad-direttiva maħruġa mill-Awtorità għall-perjodu 8 ta’ Mejju sat-3 ta’ Ġunju, 2017 rigward il-programm ‘Jien Nagħżel Malta’ li xxandar fit-23 ta’ Mejju, 2017
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV rigward allegat ksur ta’ Artiklu 15 tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir għall-perjodu 8 ta’ Mejju sat-3 ta’ Ġunju, 2017 peress li l-programm Jiena Nagħżel Malta tat-23 ta’ Mejju 2017 kien ippreżentat mis-Sur Norman Vella li kien kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-Onorevoli Karl Gouder li kien assistit mis-Sur Josef Fitzpatrick f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża saħaq li dak li ġara ma kienx seħħ b’malizja iżda l-istazzjon kien iddeċieda li jxandar l-edizzjoni tal-programm bi preżentatur differenti. Żied li sussegwentement dan in-nuqqas minn naħa tal-istazzjon ma kienx ripetut.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, tenut kont tal-fatt li l-istazzjon aġixxa b’mod tempestiv biex jirrimedja n-nuqqas meta ġie infurmat li kien irriżulta ksur ta’ direttiva, iddeċidiet li ma kienetx ser timponi l-penali dovuta iżda li din kellha twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali nuqqas fil-futur.
Illum 24 ta’ Lulju, 2017