Net TV- Baker’s Kitchen - 25 t’Ottubru




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ Media Link Communications Ltd. rigward l-edizzjonijiet tal-programm Baker’s Kitchen li xxandru fil-25 t’Ottubru u t-8 ta’ Novembru, 2017

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Media Link Commumnications Ltd, dwar l-edizzjonijiet tal-programm Baker’s Kitchen li xxandru fil-25 t’Ottubru u t-8 ta’ Novembru, 2017 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16M(3)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir meta f’dawn iż-żewġ programmi ingħatat prominenza mhux dovuta tal-prodott Kitchen Aid. Barra minn hekk, meta deher il-prodott ixxandret ukoll pop-up tal-istess ditta tal-prodott u l-kumpannija kummerċjali li tbigħ dan il-prodott. B’dan il-mod kompliet tingħata prominenza lill-prodott inkwistjoni u dan bi ksur ta’ Artiklu 16M(3)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir.

Fl-akkuża kien allegat ukoll li kien seħħ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi meta waqt li dehru l-parteċipanti jitkellmu dwar dak li għamlu fil-programm, intwerew ukoll il-prodotti tad-ditta Pfanner – il-kontenitur u t-tazza quddiem kull parteċipant, u dan seħħ bi prominenza. Jinħass li l-mod kif tpoġġew dawn il-prodotti taw lok għal prominenza mhux dovuta għall-prodotti.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Karl Gouder li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li kien akkumpanjat mis-Sur Dirk Spiteri Lucas produttur tal-programm, f’seduta li nżammet fid-29 ta’ Novembru, 2017.

Minn naħa tiegħu is-Sur Karl Gouder filwaqt li ammetta l-akkuża qal li hekk kif ġew infurmati bl-akkuża l-istazzjon u l-produtturi ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedjaw n-nuqqasijiet. Żied li fil-każ tal-pop-up din kienet dehret b’kumbinazzjoni u l-istess kien ġara fil-każi l-oħra. Is-Sur Gouder qal li minn naħa tiegħu l-istazzjon jinforma lill-produtturi bil-provvedimenti tal-liġi u dwar dak li jista’ u ma jistgħax isir waqt il-programm iżda dan mhux dejjem ikun biżżejjed.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u għalhekk kellha timponi l-penali relattiva ta’ €1750. L-Awtorità qablet li fiċ-ċirkostanzi tal-każ din id-deċiżjoni kellha tkun sospiża għal sena mid-data tan-notifika.

Illum 2 ta’ Jannar, 2018