Deċiżjoni rigward l-akkuża fil-konfront ta’ Media.Link Communications rigward il-programm Bejnietna li xxandar fuq NET TV fil-15 ta’ Jannar 2021
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm Bejnietna li xxandar fil-15 ta’ Jannar 2021 fejn ġie allegat ksur ta’ artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir u ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet skeda tal-Att dwar ix-Xandir.
Matul dan il-programm ixxandret rokna li fiha s-Sur Mark Navarro, l-istilista tax-xagħar deher jaħdem fuq ix-xagħar ta’ mistiedna fil-programm. Ġie allegat li s-Sur Navarro għadda kummenti li kienu jirrigwardjaw servizzi ta’ konsultazzjoni u pariri li jingħataw. Fl-istess programm xxandar reklam ta’ Mark Navarro Hairdressing u deher ukoll anke fil-credits tal-ħajr.
Fl-istess programm ġie allegat ukoll li xxandret rokna dwar il-kura tal-ġilda u s-Sinjura Angele Stafrace tat deskrizzjoni ta’ f’hiex ser ikun jikkonsisti l-facial li kien se jsir għall-mistiedna. Waqt din l-ispjega s-Sinjura Stafrace dehret tagħti vawċer bil-kliem Peach and Sorrell Wellness Centre.
Minħabba l-mod kif ġew ippreżentati dawn iż-żewġ irkejjen seħħ ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda u ksur ta’ Artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Karl Gouder li deher virtwalment għall-istazzjon NET TV f’seduta li nżammet fit-30 ta’ Marzu 2021. Minn naħa tal-istazzjon, kien hemm ammissjoni dwar il-kontenut tar-rokna u anke tar-reklam li xxandar wara r-rokna. Is-Sur Gouder lanqas ma ċaħad il-kontenut tat-tieni rokna li tressqet fl-akkuża.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u tal-ammissjoni min-naħa tal-istazzjon u sabet lill-istazzjon ħati ta’ ksur ta’ Artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir u Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda. In vista ta’ dan l-Awtorità qablet li timponi penali ridotta ta’ ridotta ta’ €1,750 u €930 għaż-żewġ akkużi, liema multa tammonta għal €2,680 u li għandha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifka.
13 ta’ April 2021