Net TV - Bejnietna - 19 ta' Jannar 2021




Deċiżjoni rigward l-akkuża fil-konfront ta’ Media.Link Communications rigward il-programm Bejnietna li xxandar fuq NET TV fid-19 ta’ Jannar 2021

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm Bejnietna li xxandar fid-19 ta’ Jannar 2021 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 2.1 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.24 -Ħtiġiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar ta’ Xorb Alkoħoliku  kif ukoll Artiklu 16K (a) tal-Att dwar ix-Xandir matul dan il-progamm.  Matul dan il-programm ixxandret rokna li fiha ingħatat informazzjoni dwar kif wieħed jagħmel test għall-ammont ta’ alkoħol fi flixkun tal-birra. F’din ir-rokna deher il-bott tal-birra bid-ditta CISK kif ukoll ingħatat informazzjoni minn Laboratory Officer li ġie identifikat li kien ġej minn Simonds Farsons Cisk. Minbarra reklamar b’ħabi ġie allegat li sar reklamar ta’ alkoħol qabel is-19:00.

Inħarġet akkuża wkoll minħabba li fl-istess programm ixxandret rokna informattiva minn Dr Gorana Pecotic li tkellmet dwar il-kura tal-idejn. Matul din l-intervista, deher reklam ta’ People & Skin li kien jinkludi l-kliem Vein Treatments From 120 Euro fl-isfond tal-intervista. Fl-intervista twasslet informazzjoni dwar it-tipi ta’ trattamenti offruti għall-kura tal-idejn u dan bi ksur ta’ Artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv Dr Joanna Spiteri u lis-Sur Karl Gouder li deher virtwalment f’isem NET TV f’seduta li nżammet fit-30 ta’ Marzu 2021.  Min-naħa tiegħu s-Sur Gouder spjega  li r-rokna mil-laboratorju ma kienx reklamar għal Farsons imma kien slot informattiv magħmul mill-OHSA li kienu talbuhom biex jagħmlu slot ta’ Farsons. Sostna li jekk wieħed jara l-kontenut ta’ din il-parti, dan kien jitratta is-saħħa u sigurtá u ma tkellimx dwar Farsons jew il-prodott CISK. Fir-rigward tar-rokna ta’ People & Skin, is-Sur Gouder qal li tkellmu immedjatament mal-producers biex din ir-rokna ma terġax issir kif ġiet imxandra f’dan il-programm.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddiskutiet il-każ, ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata. L-Awtoritá sabet lill-istazzjon ħati ta’ tali ksur u mmultat lill-istazzjon multa ta’ €2,330 u €1,160 għaż-żewġ akkużi, liema multa tammonta għal €3,490 u li għandha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.

 

 

 

13 ta’ April 2021