NET TV - Eli & I Gold - 28 ta’ Mejju, 2015




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar l-edizzjoni tal-programm Eli & I Gold li xxandar fit-28 ta’ Mejju, 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 u ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta fil-programmm ixxandar servizz fejn Kurt Calleja deher f’karozza fi triqtu lejn il-Lasco Supermarket, u hekk kif wasal qrib id-destinazzjoni Kurt Calleja qal, “għadna kemm wasalna ż-Żejtun, ħa nduru mar-roundabout hawnhekk u nkunu wasalna l-Lasco ħalli nġibu l-ingredjenti li għandna bżonn”. Barra minn hekk, kif wasal ħdejn il-Lasco Supermarket u pparkja l-karozza dehret inkwadratura tal-faċċata tas-supermarket b’Kurt Calleja dieħel jagħmel ix-xirja tiegħu.

In oltre, waqt ir-rokna tal-kompetizzjoni l-preżentatur Ian Vella staqsa lit-telespettatriċi jekk tħobbx tintiżen. F’nofs skambju ċajtier bejn il-preżentaturi u l-parteċipanta dwar il-piż, Elaine Agius qalet “dik imbagħad ngħidu naqa lil Stellina sinjura, tinkwetax”; żieded tgħid ukoll “lil Stellina ma nistax nagħtihielek waqt il-logħba” u “il-miżien nista’ ntik li jista’ jwasslek s’għand Stellina. (21:30:10 – 21:30:50).  Finalment  bejn id-21:00:00 u l-22:00:00 tal-istess ġurnata NET TV xandar 13’51” ta’ reklami.

L-Awtorità semgħet lil Dr Joanna Spiteri (li kienet qed tidher fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv) u lil Ms Marouska Pisani Bugeja f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, u lil Ms Elaine Agius f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fl-14 ta’ Lulju, 2015.  Minn naħa tagħha Ms Agius i

kkontendiet li dejjem tkun attenta li ssegwi b’mod rigoruż il-provvedimenti tal-liġi u l-każi in eżami ma kienux intenzjonati.  Żiedet li in oltre kienet iżżomm kuntatt dirett u regolari mal-uffiċċjali tal-Awtorità sabiex tevita n-nuqqasijiet u l-ksur tal-liġi.

Minn naħa tagħha Ms Pisani Bugeja filwaqt li ammettiet li l-istazzjon kien eċċeda l-ħin allokat għal reklamar f’siegħa orarja qalet li dan kien riżultat ta’ żball minn naħa tal-istazzjon.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon u qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum 23 ta’ Lulju, 2015