L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar il-programm Eli in the Morning li xxandar fl-4 t’Ottubru, 2013 fejn ġie allegat ksur tal-Artiklu 16M(3)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir meta waqt ir-rokna tal-kċina bl-isem Tiktok, iċ-Chef Joe Mizzi ħareġ l-ingredjenti mill-basket taċ-Chef Choice li deher b’mod prominenti għal kważi tliet minuti sħaħ u dan bi ksur tal-provedimenti tal-Att Dwar ix-Xandir fejn jidħol il-product placement.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Karl Gouder f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sinjura Elaine Agius f’isem il-produzzjoni u s-Sur Joe Mizzi (iċ-Chef tal-programm) f’seduta li nżammet fis-26 ta’ Novembru, 2013.
Minn naħa tagħha s-Sinjura Elaine Agius qalet li dan il-programm kien ixxandar fl-ewwel ġimgħa tal-iskeda u l-fatt li s-Sur Mizzi wera b’mod prominenti l-basket taċ-Chef Choice kien imprevist u aċċidentali. Żiedet li wara dan l-episodju l-produzzjoni iddeċidiet li tbiddel l-andament tal-programm u dan biex ikunu evitati sitwazzjonijiet simili. In oltre ittieħdu miżuri sabiex il-mistiedna u l-parteċipanti fil-programm ikunu infurmati minn qabel b’dak li jista’ u ma jistax isir.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijet tal-partijiet iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twiddeb l-istazzjon biex ma jirrepetix tali nuqqas.
2 ta’ Diċembru, 2013