Net TV - Elle - 5 t'Ottubru 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar il-programm Elle li xxandar fil-5 t’Ottubru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16M(4)(c) li jipprojbixxi l-product placement ta’ prodotti alkoħoliċi bejn is-6.00a.m. u d-9.00p.m.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjuri Karl Gouder f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sur Jean Claude Micallef għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-26 ta’ Novembru, 2013.

Minn naħa tiegħu s-Sur Micallef qal li fil-fatt dan kien l-ewwel programm li xxandar u inċidentalment minflok il-programm propju bi żball kien ġie trasmess id-demo tape.  Żied li f’dan il-każ ma kien hemm l-ebda tip ta’ arranġament kummerċjali u li l-viżwal in kwistjoni ma kellu l-ebda importanza speċifika għall-fini tal-programm. 

Is-Sur Micallef qal li wara li kien żar il-post fejn jiġi rekordjat il-programm (Bay Street) kien evidenti li fil-fatt il-flixkun tal-vodka tad-ditta F Vodka ma kienx rejali iżda kien parti minn tabella promozzjonali li kien hemm fil-Cafe` u li dan kien inqabad mill-camera b’mod inċidentali.  Żied li wara dan l-episodju kien tkellem mat-tekniċi kollha involuti fejn spjegalhom il-problema u kif ukoll il-provvedimenti tal-liġi sabiex ikunu evitati sitwazzjonijiet simili fil-futur.

Minn naħa tiegħu s-Sur Karl Gouder qal li kien iltaqa’ mal-produtturi kollha fejn ġew spjegati lilhom il-provvedimenti tal-liġi.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijet tal-partijiet u rat il-filmat relattiv iddeċidiet li l-akkuża ma kienitx tirriżulta.  

2 ta’ Diċembru, 2013