Net TV - Elle - 18 u 25 ta' Jannar u 8 ta' Frar 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV  dwar l-edizzjonijiet tal-programm Elle li xxandru fit-18 u l-25 ta’ Jannar u t-8 ta’ Frar 2014, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir minħabba nuqqas ta’ separazzjoni ċara bejn il-kontenut u r-reklamar meta waqt l-imsemmija edizzjonijiet kien hemm elementi li jwasslu lit-telespettatur jagħmel assoċjazzjoni ċara bejn l-informazzjoni li kienet qed tingħata f’irkejjen ‘edukattivi’ u l-provditur ta’ servizzi trattati fl-istess irkejjen.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring li kienet qed tressaq l-akkużi fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Karl Gouder Media Manager u lis-Sur Josef Fitzpatrick f’isem u in rappreżentanza ta’ media.Link Communications.

Min-naħa tiegħu,  is-Sur Gouder filwaqt li ammetta l-akkuża irrileva li l-istazzjon, konxju mill-fatt li setgħa jkun hemm assoċjazzjoni bejn l-element informattiv u l-aspett kummerċjali fil-programm,  kien iddeċieda li ċerti reklami ma jixxandrux eżattament wara r-rokna informatittiva u dan biex proprju tkun imnaqqsa l-possibiltà ta’ assoċjazzjoni.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet ikkonkludiet li l-akkuża ta’ ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir kienet ġiet ippruvata u fil-fatt ammessa, u kien manifestament ċar li kien hemm nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kontenut informattiv u r-reklamar.

Meta ġiet biex tikkonsidra l-penali, l-Awtorita` ddeċidiet li peress li din kienet l-ewwel darba li saret akkuża kontra dan il-programm, din kienet qed twissi lill-istazzjon sabiex jassigura li ma jkunx hemm ripetizzjoni  ta’ ksur tal-liġi simili fil-futur. 

Illum l-1 t’Awwissu, 2014