L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar l-edizzjonijiet tal-programm Elle tad-29 ta’ Novembru u s-6 ta’ Diċembru, 2014 fejn kien allegat li fl-edizzjoni tad-29 ta’ Novembru 2014 kien hemm ksur ta’ Artiklu 16M(3)(ċ) u paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir fl-edizzjoni meta l-preżentatriċi tidher tagħmel introduzzjoni tal-irkejjen quddiem karozza Volkswagen ta’ lewn abjad bin-number plate personalizzat Elle. Kien hemm waqtiet oħra f’dan il-programm fejn dehret din l-istess karozza u dan bi ksur tal-provvedimenti tat-tqegħid tal-prodott peress li dan il-programm ma jaqax taħt il-ġeneru ta’ light entertainment. Intant, fl-istess programm kien hemm rokna tax-xagħar ma’ Joseph u waqt il-waqfa ta’ reklami ixxandar reklam ta’ Hairoscope li fih deher l-istess Joseph.
Fl-edizzjoni tas-Sibt 6 ta’ Diċembru 2014 kien hemm ripetizzjoni tal-użu tal-karozza. Intant, kien hemm servizz dwar id-dwiefer ma’ Natasha filwaqt li fl-istess programm jixxandar reklam ta’ Nails by Natasha li fih tidher l-istess Natasha. Waqt dan il-programm ukoll kien hemm rokna dwar l-użu tal-botox li fih ma kien hemm l-ebda indikazzjoni dwar l-effetti negattivi ta’ dan it-trattament u dan bi ksur tal-provedimenti f’Paragrafu 14.1(ċ) u 14.1(d) tal-Avviż Legali 350.30 (Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika fil-Programmi li jinvolvu l-Parteċipazzjoni ta’ Ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li japplikaw għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali), u dan minħabba li Joanna Delia hija sinonima ma’ The Smart Clinic u tirriklama f’dan il-programm filwaqt li tamministra t-trattament tal-Botox. Kien allegat ukoll li l-ksur ta’ Artiklu 16M(3)(ċ) u Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda kienu japplika wkoll għal din l-edizzjoni tal-programm.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lil Ms Marouska Pisani Bugeja, Chief Commercial Officer ta’ NET TV u lis-Sur Ryan Schembri produttur, f’seduta li nżammet fl-10 ta’ Marzu, 2015 li minn naħa tagħhom filwaqt li ammettew in parti l-akkuża, ikkontendew illi kellhom riżervi fir-rigward tal-parti tal-akkuża li kienet titratta l-użu tal-karrozza u dan peress li l-karrozzi kienu pprovduti minn Montebello Group u ma kien hemm l-ebda intenzjoni li jsir reklam lil ditta ta’ karrozzi peress li strettament din id-ditta kienet timporta diversi mudelli ta’ karrozzi ta’ ditti differenti.
Ms Pisani Bugeja irrilevat li fil-każ ta’ Joanna Delia u t-trattament tal-Botox din fil-fatt kienet tabiba għalkemm kienet direttriċi tal-kumpannija din ma kienitx magħrufa mat-telespettaturi. In oltre ai termini tal-liġi li tirregola dan it-tip ta’ trattamenti kien hemm l-obbligu li dan is-suġġett ikun trattat esklussivament minn tobba professjonisti fil-qasam. Żiedet li s-Sur Schembri kien għadu kemm għadu ġdid f’dan il-qasam u kien għadu qed jiffamiljarizza ruħu mar-regolamentazzjoni.
L-Awtorità, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u ħadet nota tal-fatt li l-istazzjon kien qed jagħmel sforzi biex jiġu eliminati l-possibiltajiet ta’ ksur tal-liġi tax-xandir, ħadet konjizzjoni wkoll li anke jekk b’xi riservi għal parti mill-akkuża, l-istazzjon ammetta li kien hemm ksur u minħabba li din ma kienetx l-ewwel darba li dan il-programm instab ħati ta’ ksur, iddeċidiet li kellha timponi l-penali relattiva ta’ €1,750, liema penali kellha titħallas fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika. In oltre l-Awtorità esprimiet il-preokkupazzjoni tagħha fir-rigward tar-rokna dwar it-trattament tal-Botox u saħqet fuq il-ħtieġa li t-telespettatur ikun konxju u ben informat dwar l-effetti negattivi li jistgħu jġibu magħhom dawn it-trattamenti u f’dan is-sens kienet ir-responsabbilta’ tax-xandar li jara li din tkun attwata.
Illum 18 ta’ Marzu, 2015