Net TV - Imperium Europa - 20 ta' Mejju 2019




IIment minn Imperium Europa

L-Awtorità kellha quddiemha lment minn Imperium Ewropa kontra NET datat 20 ta’ Mejju 2019, fejn ġie allegat li tul il-kampanja elettorali NET kien naqas li josserva u jaderixxi mad-Direttiva tal-Awtorità dwar il-parteċipazzjoni ta’ esponenti ta’ partiti differenti fil-programmi marbutin mal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u in oltre li bl-aġir tiegħu l-istazzjon kien kiser ukoll Artiklu 13 tal-Att dwar ix-Xandir li kien jirreferi għall-ħtieġa ta’ imparzjalità dwar temi ta’ kontroversja politika.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Adrian Spiteri għall-Imperium Ewropa u lis-Sur Pierre Portelli għal NET, f’seduta li nżammet fil-21 ta’ Mejju, 2019.

Min-naħa tiegħu s-Sur Spiteri qal li, filwaqt li kien jidher li l-istazzjon kien stieden rappreżentanti ta’ partiti u movimenti oħra u ta spazju lill-istess fi programm tiegħu, dan m’għamilx l-istess fil-konfront ta’ Imperium Ewropa. Żied li dan l-aġir kien jikser id-direttiva tal-Awtorità u kien iwassal għal diskriminazzjoni kontra l-istess.

Is-Sur Pierre Portelli saħaq li l-istazzjon ma kellu l-ebda obbligu jistieden rappreżentanza minn kull partit u dan saħansitra kien joħroġ ċar fl-istess Direttiva tal-Awtorità li kienet titkellem dwar ‘rappreżentanza wiesgħa ta’ opinjonijiet’ u għalhekk l-istazzjon kien ikkonforma mal-istess.

L-Awtorità, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, sabet li l-istazzjon kien aderixxa mad-Direttiva tagħha u għalhekk iddeċidiet li l-ilment ma kienx ġustifikat.

22 ta’ Mejju 2019